Aġġornata: Jinħelsu 126 ostaġġ mil-lukanda f’Burkina Faso

Aġġornata 10.32am
Intemm l-assedju fuq il-lukanda f’Burkina Faso li ġiet attakkata minn militanti suspettati Iżlamisti. Rapporti oħra qed jgħidu li issa hemm attakk ieħor fuq lukanda fil-qrib.
B’kollox inħelsu 126 ostaġġ mil-lukanda li tinsab fil-belt kapitali Ouagadougou.
Minbarra l-20 persuna li nqatlu, fil-ħidma ta’ salvataġġ mill-forzi speċjali nqatlu tliet Iżlamisti.

Aktar kmieni
Madwar 30 ostaġġ inħelsu wara li attakk fuq lukanda minn militanti f’Burkina Faso ħalla 20 persuna mejta.
Għadd ta’ persuni mgħammda bdew jisparaw meta daħlu fil-lukanda u qatlu 20 persuna filwaqt li żammew numru ieħor ta’ ostaġġi. Il-militanti splodew ukoll xi karozzi-bomba quddiem il-lukanda.
Ħidma ta’ salvataġġ mill-forzi speċjali Franċiżi u dawk ta’ Burkina Faso wasslet biex inħelsu mat-30 ostaġġ. Għadu mhux magħruf jekk għadx hemm xi ostaġġi oħra maqbuda fil-lukanda.
Fost l-ostaġġi li nħelsu kien hemm il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi ta’ Burkina Faso Clement Sawadogo.
Intant 33 persuna oħra ddaħħlu l-isptar minħabba li ndarbu.
Qed jingħad li l-moħħ wara dan l-attakk kienu militanti tal-Al-Qaeda.