​20 kors Universitarju ma fetħux din is-sena

Għal din is-sena skolastika kien hemm 20 kors tal-Università ta’ Malta li ma fetħux għax l-għadd ta’ studenti eliġibbli li applikaw għalihom ma kienx sodisfaċenti.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, fil-Parlament, semma liema kienu l-korsijiet li kienu offruti imma li għalihom ma kienx hemm biżżejjed interess.
Il-korsijiet huma l-Baċellerat tal-Arti jew Baċellerat tal-Arti bl-Unuri fil-kampus t’Għawdex, Baċellerat tax-Xjenza bl-Unuri fl-Immaniġġjar ta’ Agro-Ekosistemi fil-Mediterran, Ċertifikat fl-Għarbi għan-Negozju u l-Komunikazzjoni, Ċertifikat fil-Banking u l-Finanzi, Ċertifikat tal-Kultura tal-Ikel, Diploma ta’ Studji Ewropej, Diploma ta’ Studji Għawdxin, Diploma Ogħla fil-Ġerontoloġija u l-Ġerjatrija, Diploma Ogħla fl-Immaniġġjar ta’ Żvilupp Sostenibbli ta’ Art u Real Estate.
Ġew offruti mingħajr suċċess dawn il-korsijiet f’livelli ta’ Master: fis-Sostenibilità Kulturali u t-Turiżmu, fl-Innovazzjoni Strateġika u l-Ħolqien Futur, Servizzi ta’ Probation, Studji dwar il-Kavallieri (f’Għawdex), Studji dwar Gżejjer u Stati Żgħar, Meditazzjoni, Farmakoloġija jew Farmakoloġija Klinika, u Ippjanar tal-Ispazju.
Magħhom ġew offruti tliet korsijiet oħra f’livell ta’ post-graduate: Diploma fi Gwida u Żvilupp ta’ Karriera tul il-ħajja, Geographic Information Systems, u ċertifikat għal Restorative Justice Mediation.
Evarist Bartolo kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.