Filmat: 20 każ ta’ nsib maqbud fuq filmati f’20 jum – CABS

Aġġornat 08:52 PM

Read in English.

Il-Committee Against Bird Slaughter (CABS) qalet li nqabdu total ta’ 20 każ ta’ nsib fuq filmati differenti fi żmien 20 jum.

Min-naħa tagħha, BirdLife Malta qalet li mill-filmati li qed inxandru llum, fi spazju ta’ ftit jiem biss fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, BirdLife Malta rċeviet seba’ għasafar oħra protetti li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali – tliet Spanjuletti u erba’ Bagħdan Ħomor. Spjegat li dawn kollu tniżżlu mill-kaċċaturi bejn il-Ġimgħa u lbieraħ, u kollha kienu kkonfermati bħala vittmi tal-kaċċa illegali mill-veterinarju tal-gvern.

Fi stqarrija, il-kumitat ingħaqad mal-għajta ta’ BirdLife Malta biex il-gvern ma jiftaħx l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa għal din is-sena. Fiona Burrows, uffiċjal tal-CABS qalet li bħalissa, il-pulizija fil-pajjiż ma jistgħux jiggarantixxu superviżjoni stretta tal-kaċċa li ssir. Spjegat li minħabba f’hekk hemm biża’ li l-illegalitajiet bħal qtil ta’ għasafar protetti, tibda tiżdied.

Hi żiedet tgħid li fl-aħħar ġimgħat, diversi nassaba ħadu vantaġġ min-nuqqas ta’ riżorsi tal-Pulizija. Spjegat li mid-9 ta’ Marzu, voluntiera tal-CABS u staff iddokumentaw u rrappurtaw 18-il każ ta’ nsib illegali u żewġ każi ta’ kaċċa fi staġun magħluq.

Intant, uffiċjal ieħor tal-CABS, Axel Hirschfeld, ikkritika l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) għat-talbiet riċenti lill-Gvern biex jippermetti li ssir kaċċa għall-gamiem.

Il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa att irresponsabbli – BirdLife Malta

Intant, BirdLife Malta sostniet li l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa f’dan iż-żmien ikun att irresponsabbli tal-Prim Ministru Robert Abela. Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li kull deċiżjoni tal-Prim Ministru Abela li jikkunsidra li jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa ta’ din is-sena għal speċi waħda, is-Summiena, tkun laktar att irresponsabbli possibbli.

Il-BirdLife sostniet li filwaqt li l-pubbliku qed jintalab jibqa’ d-dar fid-dawl tat-theddida globali tal-virus COVID-19, il-Kabinett talab laqgħa urġenti tal-Kumitat ORNIS biex sempliċiment jifformalizza l-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.

L-għaqda kompliet tgħid li l-ftuħ ta’ staġun bħal dan ikun ukoll pass mill-aktar irresponsabbli fid-dawl li l-kundizzjonijiet tad-deroga mid-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar – li Malta hi obbligata tosserva u tirrispetta – jirrikjedu li għal kull 1,000 kaċċatur għandu jkun hemm seba’ uffiċjali tal-pulizija jew persuni li jaraw li l-liġi tkun qed tiġi infurzata. Hi kompliet tgħid li l-pulizija u l-forzi tas-sigurtà bħalissa huma mgħobbijin sew u involuti f’attivitajiet relatati mal-kriżi COVID-19. B’hekk qalet li  mhux biss ikun impossibbli għall-pulizija li tinforza l-liġi dwar il-kaċċa, imma l-Gvern ikun qed jonqos ukoll b’mod sfaċċat mir-responsabbiltà tiegħu jekk jiftaħ staġun bħalissa.

BirdLife Malta fakkret ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela li fis-sitwazzjoni preżenti l-kaċċaturi u n-nassaba m’huma qed jiddejqu xejn jiġu jaqgħu u jqumu mil-liġi, u qed joħorġu għall-kaċċa meta dan mhux permess f’dan iż-żmien tas-sena.

Hi kompliet tgħid li l-għaqdiet tal-kaċċa u l-insib ma jistgħux jibqgħu jżommu lill-politiċi ostaġġi u BirdLife Malta ssejjaħ lill-Prim Ministru biex jieħu pożizzjoni ċara u li ma tħalli l-ebda dubju favur l-oqsma kollha tas-soċjetà u favur in-natura inġenerali.

Il-kaċċa għandha tieqaf, bħal ħafna mill-attivitajiet l-oħra – AD

Intant, Alternattiva Demokratika ngħaqdet ma’ Birdlife u CABS u nsistiet li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa m’għandux jiftaħ. Saħqet li l-kaċċaturi għandhom jibqgħu ġewwa bħall-bqija tal-popolazzjoni, skont l-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. 

Iċ-Chairperson ta’ AD Carmel Cacopardo qal li wieħed irid jiftakar li l-Pulizija għandha ħafna iktar xogħol x’tagħmel u għaldaqstant infurzar tal-liġi fil-kampanja qajla huwa possibbli.