20% jilmentaw dwar is-servizz tal-posta

20% tal-parteċipanti fi stħarriġ tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) irreġistraw ilment formali mal-MaltaPost. Dan minħabba dewmien, tqassim żbaljat u posta rreġistrata.
L-istħarriġ sar bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, fost 40 organizzazzjoni tuża s-servizz tal-bulk mail.
75% qalu li kienu sodisfatti bil-kwalità tas-servizz, filwaqt li 68% huma sodisfatti bil-bulk mail.
Meta mqabbel mal-istħarriġ li sar fl-2014, 25% tal-parteċipanti kienu qalu li għamlu użu mill-bulk mail kuljum filwaqt li 33% qalu li użawh darba fil-ġimgħa. Fl-aħħar stħarriġ 20% mill-parteċipanti wieġbu li użaw is-servizz kuljum filwaqt li 38% użawh kull ġimgħa.
Dawk li rrispondew li qegħdin jibagħtu inqas ittri, saħqu li sabu soluzzjonijiet diġitali bħall-imejl (75%) il-midja soċjali (50%) u faċiltajiet elettroniċi oħra (50%).
53% qalu li jduru għall-imejl jekk il-prezz tal-bulk mail jogħla bejn 5-10%. 23% biss li qalu li jużaw is-sit tagħhom stess. 28% stqarrew li ma għandhomx għażla oħra, possibilment minħabba limitazzjonijiet fiżiċi jew legali.
Il-maġġoranza tal-parteċipanti (65%) qalu li jippreferu kieku l-ittra tasal l-għada li tkun intbagħtet, filwaqt li 33% jippreferu jekk is-servizz ikun irħas u inqas mgħaġġel (sa tlett ijiem wara). Dan juri żieda ta’ 10% meta mqabbel mal-istudju tal-2014.
Meta staqsew fuq it-tqassim tal-posta fuq ħamest ijiem minflok fuq sitta, għal 60% tal-parteċipanti kienet aċċettabli.