20 entità tal-Knisja jsejħu għal solidarjetà mal-aktar vulnerabbli

Read in English.

20 entità tal-Knisja għamlu sejħa għal solidarjetà ma’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

L-entitajiet spjegaw li f’dan iż‑żmien ta’ kriżi, imqabbel minn ħafna ma’ żmien ta’ gwerra, żmien fejn il‑pajjiż qed iwaqqaf kull tip ta’ operat sabiex jipprepara għall‑ġranet li ġejjijn, qed isejħu lill‑awtoritajiet sabiex jieħdu aktar miżuri konkreti ħalli jassiguraw li dawk in‑nies li qed jgħixu fil‑faqar ma jispiċċawx mingħajr il‑ħtiġijiet bażiċi għal ħajja dinjituża.

Qalu li jinsabu ferm imħassba dwar l‑impatt li l‑imxija tal‑coronavirus se tħalli fuq dawk li huma l‑aktar vulnerabbli fis‑soċjetà.  Minkejja li l‑mard ma jiddiskriminax bejn in‑nies fuq bażi finanzjarja, soċjali, ta’ saħħa jew status ta’ immigrazzjoni, qalu li m’hemm l‑ebda dubju li l‑effetti ekonomiċi ta’ din l‑epidemija se jagħmlu dan, u l‑iktar affettwati se jkunu l‑foqra u dawk l‑aktar emarġinati.

Huma spjegaw li x-xogħol tagħhom ta’ kuljum ilaqqagħhom ma’ nies li diġà qed jissieltu biex ilaħħqu mal‑ħajja ta’ kuljum – nies b’diżabbiltà, nies bi problemi ta’ saħħa mentali, dawk li qed jissieltu kontra xi tip ta’ vizzju, eks priġuniera, eks vittmi ta’ vjolenza domestika li qed jippruvaw jerġgħu jibnu ħajjithom, refuġjati, immigranti jew familji kbar li jridu jgħixu fuq paga waħda.  Huma spjegaw li ħafna minn dawn ma jaqilgħux wisq aktar mill‑paga minima, li bilkemm iservihom biex iħallsu l‑kera, l‑ikel u l‑kontijiet tad‑dawl u l‑ilma.  Qalu li ftit huma dawk li għandhom xi flus imġemma’ li jkunu jistgħu jsostnuhom f’perjodu bla xogħol fit‑tul.  Filwaqt li xi wħud jistgħu jibbenifikaw minn benefiċċji soċjali, dan ma japplikax għal kulħadd.

L-entitajiet qalu li huma japprezzaw li f’dawn l‑aħħar ġimgħat, minn mindu ġie identifikat l‑ewwel każ ta’ coronavirus, il‑Gvern waqqaf diversi servizzi ta’ sapport għal dawk in‑nies vulnerabbli, bħas‑support line u tqassim ta’ ikel għall‑anzjani li ma jistgħux joħorġu jixtru.  Semmew ukoll id-diversi miżuri biex jgħinu lin‑negozji sabiex iżommu lill‑ħaddiema tagħhom u biex jgħinu persuni li jitilfu l‑impjieg konsegwenza ta’ din il‑pandemija, bħaż‑żieda temporanja fil‑benefiċċji lin‑nies qiegħda u estenzjoni tal‑iskema tas‑sussidju tal‑kera.

Filwaqt li dawn l‑inizjattivi huma kritiċi, l-entitajiet qalu li qed jidher ċar li dan waħdu mhux biżżejjed sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja dinjituża fix‑xhur li ġejjijn.  Sabiex dan iseħħ, huwa essenzjali li jittieħdu l‑passi meħtieġa biex jiġi pprovdut sapport materjali u finanzjarju lil kull min m’għandux biżżejjed dħul biex ikollu saqaf fuq rasu, mediċini jew ikel. Qalu li d‑dritt tal‑aċċess għal dan is‑sapport u għal dawn is‑servizzi bażiċi, bħas‑servizz tas‑saħħa, għandu jkun bbażat fuq il‑bżonn innifsu u mhux fuq xi kriterja oħra, bħall‑istatus ta’ immigrazzjoni.

Sostnew li f’dawn l‑aħħar ġimgħat ammiraw id‑diversi atti ta’ solidarjetà: bħal sidien ta’ postijiet inaqqsu l‑kirjiet, sidien joffru akkomodazzjoni b’xejn, nies joffru għajnuna lill‑anzjani b’diversi qadi bħal xiri ta’ kuljum, u oħrajn li sajru għal dawk fis‑settur mediku li b’kuraġġ u determinazzjoni qed jiġġieldu kontra din il‑pandemija b’mod dirett.  Dawn l‑azzjonijiet iwasslu messaġġ ċar: “agħmel ma’ ħaddiehor dak li trid li ħaddieħor jagħmel miegħek.”

L-entitajiet jemmnu li l‑politiċi għandhom jwasslu dan l‑istess messaġġ ta’ tama, billi jpoġġu fiċ‑ċentru tal‑prijorijajiet tagħhom il‑bżonnijiet ta’ dawk l‑aktar vulnerabbli fostna.

Huma bbażaw din is‑sejħa għall‑azzjoni fuq il‑konvinzjoni li l‑unika risposta f’waqtha għal din il‑pandemija dinjija, li tkompli tenfasizza l‑inugwaljanza fi ħdan is‑soċjetà tagħna, hi waħda ibbażata fuq il‑ġustizzja u s‑solidarjetà.  Ikkwotaw lil San Ġwanni Pawlu II jgħid kif, is‑solidarjetà “mhix biss xi sentiment ta’ ħniena u mogħdrija, li bilkemm tfissirha, għal tant nies, fil‑qrib jew ’il bogħod, li għaddejjin minn ħafna tiġrib; imma s‑solidarjetà hi rieda soda u kostanti li timpenja ruħek għall‑ġid ta’ kulħadd, jiġifieri għall‑ġid ta’ kull bniedem u tal‑bnedmin kollha għax aħna lkoll responsabbli għal xulxin.” (Solicitudo Rei Socialis, 38)

L-ittra’ kienet iffirmata minn dawn l-entitajiet: 

  • Kummissjoni Ġustizzja u Paci
  • Kummissjoni Djakonija
  • Kunsill Superjuri Maġġuri tar‑Reliġjużi (KSMR)
  • Djar tal‑Knisja tal‑Anzjani
  • Caritas Malta
  • Fundazzjoni Dar Merħba Bik
  • Dar Hosea
  • Dar tal‑Providenza
  • Fondazzjoni Sebħ
  • Fondazzjoni ‘Paċi u Ġid’
  • Jesuit Refugee Service (Malta)
  • Laboratorju tal‑Paċi
  • Kummissjani Emigranti Malta
  • Millenium Chapel
  • L‑Istitut Paulo Freire
  • Salesjani Dar Osanna Pia
  • Segretarjat Assistenza Soċjali​ Azzjoni Kattolika Maltija (SAS)
  • Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul – Malta
  • Fondazzjoni St Jeanne
  • Fondazzjoni Youth Alive

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn