20.4% tal-istudenti Maltin jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien

B’20.4% tal-istudenti jitilqu qabel iż-żmien mill-iskola, ir-rata ta’ Malta hija ferm ogħla minn dik Ewropea li hija ta’ 11.2%.
Din hija l-konklużjoni ta’ analiżi magħmula mill-Osservatorju Nazzjonali għall-Għajxien b’Dinjità fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Wellbeing fis-Soċjetà.
L-analiżi tindika li dan in-numru ta’ studenti li ma jkomplux bl-iskola qed iħalli impatt soċjali u ekonomiku kbir fuq is-soċjetà u li huwa ferm importanti li dan l-ammont jonqos.
Ibbażat fuq ix-xejra u l-miżuri preżenti, sas-sena 2020, ir-rata tal-istudenti li jitilqu mill-iskola se jonqos għal 14% u għal 10% sal-2025.
Għaldaqstant din hija tbassira ottimistika peress li l-figuri reċenti qed juru tnaqqis fin-numru ta’ studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-istudenti li ma jkomplux bl-iskola huwa indikatur għal problemi soċjali fosthom il-faqar u l-esklużjoni soċjali, li jheddu d-dritt fundamentali tal-bniedem li jgħix ħajtu b’dinjità.
Il-President enfasizzat li l-Osservatorju beda bl-ewwel passi sabiex tiġi indirizzata din il-problema li qed twassal għall-esklużjoni soċjali.
Ħeġġet sabiex l-esperjenza edukattiva tal-istudenti tkun sodisfaċjenti biex ma jkollhomx raġuni għaliex jitilqu qabel iż-żmien mill-iskola.