20,000 ċittadin Ingliż imwaħħla f’Sharm el-Sheikh

20,000 ċittadin Ingliż jinsabu mwaħħla fid-destinazzjoni turistika Eġizzjana, Sharm el-Sheikh, wara li l-Gvern Ingliż iddeċieda li jissospendi t-titjiriet kollha wara t-tiġrif tal-ajruplan li ħalla 224 persuna mejta.
Xi passiġġieri ġew infurmati li t-titjiriet ġew sospiżi, fil-mument li kienu tielgħin fuq l-arjuplan tagħhom biex jeħodhom lura d-dar.
Ir-Russja sejħet id-deċiżjoni Ingliża bħala waħda ntiża li żżid il-pressjoni psikoloġika fuq il-Gvern ta’ Putin għall-attakki fis-Sirja.
Għalissa r-Russja mhix se tikkanċella t-titjiriet tagħha minn u lejn l-Eġittu, b’kelliem tal-Parlament Russu jikkritika lill-Ingilterra u jisħaq li Gvern serju ma jiħux deċiżjonijiet hekk qabel ikollu provi konkreti f’idejh.
Ir-Russja, bħall-Eġittu, qed ikomplu jiċħdu r-responsabiltà tal-Istat Iżlamiku għat-tiġrif tal-ajruplan, imma r-Renju Unit qed jinsisti li fuq l-ajruplan kien hemm bomba mqiegħda minn militant tal-Istat Iżlamiku, li splodiet u kkaġunat it-traġedja.