2 żgħażagħ l-isptar wara 2 inċidenti bil-mutur

Ambulanza
Miguela Xuereb

Żewġ żgħażagħ ittieħdu l-isptar għall-kura wara li kienu involuti f’żewġ ħabtiet separati bil-mutur.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li ħabta minnhom ġrat bejn mutur u karozza fil-5pm fi Triq ix-Xatt fil-Gżira. L-oħra ġrat fil-5.15pm fi Triq Burmarrad fin-Naxxar.

Fl-inċident tal-Gżira, indarab is-sewwieq tal-mutur ta’ 24 sena minn Raħal Ġdid li ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Il-karozza li ħabat magħha kienet misjuqa minn mara ta’ 52 sena minn Ħal Qormi.

Fl-inċident ta’ Burmarrad, kien is-sewwieq tal-mutur ukoll li ndarab, li għandu 26 sena u joqgħod il-Mosta. Il-karozza involuta fl-inċident kienet misjuqa minn Libjan ta’ 33 sena li joqgħod f’Tal-Pietà.

Il-kundizzjoni taż-żewġ sewwieqa tal-mutur għadha pendenti.