2 żgħażagħ isiru membri tas-Soċjetà tal-Mużew

Dalgħodu żewġ żgħażagħ saru membri tas-Soċjetà tal-Mużew propju f’jum il-Milied.

Iċ-ċerimonja mmexxija mis-Superjur Ġenerali Natalino Camilleri saret fid-Dar Ġenerali tas-Soċjetà tal-Museum fi Blata l-Bajda.

Iż-żgħażagħ taw kelma li se jiddedikaw ħajjithom għall-formazzjoni Nisranija tat-tfal, żgħażagħ u adulti permezz tat-tagħlim filwaqt li jsejsu ħajjithom fuq il-virtujiet tal-umiltà u l-manswetudni.

Iż-żewġ żgħażagħ li saru membri huma Gabriel Pace minn Santa Luċija, li hu parti mill-komunità ta’ membri f’Raħal Ġdid, u Christian Schembri miż-Żurrieq.

Minbarra fil-Gżejjer Maltin, illum il-ġurnata, is-Soċjetà tal-Museum għandha preżenza wkoll fl-Awstralja, fl-Ingilterra, fil-Perù, fl-Albanija, fil-Kenja, fil-Polonja u f’Kuba.