Iwieġbu mhux ħatja ż-2 żgħażagħ mixlija bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena

Aġġornat 09:30 PM

Read in English.

Iż-żgħażagħ Leon Debono u Owen Schembri llejla tressqu l-qorti mixlija bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena. Huma wieġbu mhux ħatja bil-qtil, minkejja li Vince Gaffarena, kuġin il-vittma li ndarab b’mod gravi fl-isparatura, qal isem l-akkużati lill-Pulizija fl-Imqabba.

Iż-żgħażagħ ta’ 18-il sena, li wieħed minnhom jagħlaq 19-il sena dan ix-xahar stess, residenti Ħal Kirkop, tressqu l-qorti llum quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, akkużati li qatlu lil Saviour Gaffarena ta’ 27 sena u li għamlu attentat ta’ qtil fuq kuġinuh Vince Gaffarena ta’ 17-il sena. Ġew akkużati wkoll li kisru l-ordni pubblika u li kellhom arma mhux liċenzjata fuqhom.

Il-każ ġara nhar l-Erbgħa billejl f’Ħal Millieri, fil-limiti taż-Żurrieq. L-investigazzjonijiet, immexxija mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan d-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett, baqgħu għaddejjin matul l-aħħar sigħat.

Huma ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.

F’awla 8 fil-qorti kien hemm ukoll il-ġenituri tal-akkużati. Debono qal lill-Qorti li kien jaħdem ta’ mastrudaxxa imma bħalissa jinsab bla xogħol. Schembri ma jaħdimx.

Intant, wara sigħat twal ta’ tfittxijiet, kmieni dalgħodu, il-Pulizija sabet l-arma tan-nar li
allegatament intużat fil-każ. L-arma nstabet moħbija f’siġra f’għalqa f’Ħal Kirkop.

Il-kundizzjoni ta’ Vince Gaffarena li ntlaqat minn tir f’sidru u f’wiċċu għadha waħda gravi imma stabbli u għadu qed jiġi rikoverat fl-Isptar Mater Dei.

Il-Prosekuzzjoni hija mmexxija mill-Ispettur Keith Arnaud, l-Ispettur Kurt Zahra u l-Ispettur Melvin Camilleri. L-Avukata Giannella De Marco qed tirrappreżenta lil Leon Debono, filwaqt li l-Avukati Alfred Abela u Arthur Azzopardi qed jidhru għal Owen Schembri.

L-Avukati Mark Refalo u James D’Agostino huma l-parte civile.