2 żgħażagħ feruti u 2 arrestati wara argument il-Belt Valletta

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-lejl li għadda żewġ żgħażagħ feruti daħlu l-għassa tal-Belt Valletta wara li kienu involuti f’argument fi Triq il-Lanċa.

Dan ġara għall-ħabta tal-11.30pm.

Minn stħarriġ preliminari li sar mill-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li kien seħħ argument bejn xi persuni u ż-żewġ żgħażagħ ta’ 20 u 21 sena residenti l-Imtarfa sofrew xi ġrieħi. Wieħed mill-vittmi kien allegatament aggredit b’oġġett bil-ponta u li jaqta’.

Iż-żewġ żgħażagħ ittieħdu ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana għal aktar kura, fejn aktar tard il-ġuvni ta’ 21 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-ġuvni ta’ 20 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Dwar dan il-każ qed jinżammu żewġ żgħażagħ Sirjani, wieħed ta’ 19-il sena residenti l-Furjana u ieħor ta’ 20 sena residenti l-Marsa għal aktar stħarriġ.