2 żgħażagħ arrestati wara li aggredew u serqu lil 2 persuni fil-Marsa

Credit: Joseph Giordimaina

Read in English.

Żewġ żgħażagħ qed jinżammu taħt arrest wara li lbieraħ filgħaxija serqu lil żewġ persuni f’żewġ każijiet separati fil-Marsa.

Dan ġara waqt ronda li kienu qegħdin jagħmlu l-pulizija tal-Għassa tal-Marsa fit-toroq tal-lokalità għall-ħabta tas-1am meta nstema’ xi għajjat fl-inħawi ta’ Triq Derby.

Il-pulizija marru fuq il-post u hemmhekk ġew avviċinati minn raġel mill-Mali ta’ 28 sena li stqarr li kien għadu kif ġie misruq minn żewġ persuni. Waqt li kienu qegħdin fuq il-post, il-pulizija ġew avviċinati minn żagħżugħ ieħor ta’ 23 sena mill-Eritrea li qal li kien għadu kif ġie aggredit minn żewġ persuni b’arma li taqta’ u bi-ponta u serquh.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija tad-Distrett bdiet bit-tfittxija għaż-żewġ persuni skont id-deskrizzjoni li ngħataw. Ftit ħin wara, intlemħu żewġ persuni fil-viċinanzi tal-Għassa tal-Marsa li qablu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi. Huma twaqqfu mill-pulizija u dak il-ħin, wieħed minnhom rema mal-art arma li taqta’ u bil-ponta. Minn tfittxija li saret fuqhom instabu ċwievet, lighters, żewġ mowbajls u ammont ta’ flus kontanti.

Iż-żewġt żgħażagħ ta’ 20 sena u 18-il sena mis-Sudan ġew arrestati u ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.