2 żgħażagħ arrestati b’rabta mas-serqa b’pistola fil-White Rocks

Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)

Il-Korp tal-Pulizija ħabbar li żewġ żgħażagħ kienu arrestati b’rabta mas-serqa allegatament bl-użu ta’ pistola fil-White Rocks f’Pembroke lbieraħ wara nofsinhar.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li wieħed għandu 18-il sena u residenti Raħal Ġdid u ieħor għandu 23 sena u residenti Ħal Tarxien. Kien spjegat li huma kienu arrestati ftit ħin biss wara li seħħet is-serqa mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, f’ħidma konġunta mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett ta’ San Ġiljan.

Ilbieraħ, għall-ħabta 3.20pm, il-Pulizija kienu nfurmati li fl-inħawi tat-Torri tal-Madliena, fil-limiti ta’ Pembroke, tlett irġiel sfaw misruqa minn żewġ persuni, wieħed minnhom armat b’pistola. Fuq il-post marru minnufih il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett ta’ San Ġiljan.

Il-vittmi, żewġ Maltin ta’ 46 sena residenti l-Ħamrun u ieħor ta’ 64 sena residenti Tas-Sliema u Taljan ta’ 61 sena residenti l-Ħamrun, spjegaw li waqt li kienu qegħdin jgħumu, żewġ persuni b’wiċċhom mgħotti resqu lejhom u talbuhom il-flus. Kien spjegat kif ħin minnhom, wieħed miż-żgħażagħ ħareġ pistola u ppuntaha lejn ras wieħed mill-irġiel. Ftit wara, iż-żagħżugħ l-ieħor qabad basket ta’ wieħed mill-vittmi u ħarbu lejn Baħar iċ-Ċagħaq.

Il-Pulizija bdiet it-tfiċċijiet tagħha bid-deskrizzjoni taż-żewġ persuni f’idejha. Imbagħad, għall-ħabta tal-5.30pm, waqt li l-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali kienu qegħdin iduru l-akwati tal-boathouses f’Baħar iċ-Ċagħaq, innutaw karozza b’żewġ żgħażagħ ġo fiha u li qajmu suspett, hekk kif kienu jaqblu mad-deskrizzjoni tal-persuni mfittxija. Malli l-Pulizija għamlulhom is-sinjal biex jieqfu, huma ħarbu jsuqu b’veloċità sakemm ġew iċċirkondati. Huma ppruvaw jaħarbu bil-ġiri, iżda inżammu mill-ewwel u ġew arrestati.

L-Assistent Kummissarju responsabbli mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, Sandro Gatt qal li “l-investigazzjonijiet wasslu wkoll biex minn tfittxija li saret, wara waħda mill-boathouses f’Baħar iċ-Ċagħaq minn fejn ġew arrestati ż-żewġ persuni, instabet l-arma li allegatament intużat kif ukoll il-ħwejjeġ li kellhom l-agressuri biex jgħattu wiċċhom. Dawn iż-żewġ persuni li allegatament wettqu s-serqa issa jinsabu fil-kustodja tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.”

Il-Pulizija rringrazzja lill-pubbliku tal-koperazzjoni li wera. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.