2 xufiera tat-trasport tal-iskola akkużati bi stupru ta’ minuri

Pexels.com

Żewġ xufiera tat-trasport tal-iskola wieġbu mhux ħatja li kellhom x’jaqsmu sesswalment ma’ minuri ta’ 15-il sena li kienu jwasslu l-iskola.

Iż-żewġt irġiel Indjani għandhom 32 u 28 sena. Huma kienu għamlu ħbieb mal-minuri fuq il-mezzi tal-midja soċjali qabel seħħ il-każ.

Iż-żewġt irġiel, Nidhin Eldhose u Sarath Babu Kongadan tressqu separatament it-Tlieta quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri. Huma ġew akkużati li kellhom x’jaqsmu sesswalment ma’ minuri u li kkorrompew minuri. Kienu akkużati wkoll li kellhom fil-pussess tagħhom pornografija tat-tfal kif ukoll li għamlu użu ħażin mill-apparat eletroniku.

Saret talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Eldhose mill-avukat Simon Micallef Stafrace.

L-Ispetturi John Spiteri u Joseph Xerri oġġezzjonaw għat-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba ċ-ċans li r-raġel jaħrab. Malta ma għandix ftehim mal-Indja dwar l-estradizzjoni.

Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tieni akkużat. Għaldaqstant huma baqgħu miżmuma taħt arrest.

Il-Qorti ċaħdet divjett fuq isem l-akkużati.

L-avukat Joseph Calleja deher għall-familja tat-tifla