Żewġ tobba akkużati bil-qtil ta’ Aimee Abela se jżommu lill-ġenituri responsabbli tad-danni

Żewġ tobba mis-sebgħa li jinsabu akkużati bil-qtil involontarju ta’ tifla ta’ sentejn wieġbu għall-protest ġudizzjarju li sar mill-ġenituri tat-tifla. Qalu li kull allegazzjoni li saret fil-konfront tagħhom hija falza.

Aimee Abela mietet bil-meningitis fi Frar 2011.

Il-ġenituri Jacqueline u Carlo Abela qalu li għalkemm il-mewt ta’ binthom kellha tiġi nvestigata mill-Kunsill Mediku, huma qatt ma ntalbu jagħtu x-xhieda tagħhom.

It-tobba qed isostnu li qatt ma kien hemm investigazzjoni ta’ dan it-tip u l-Kunsill Mediku qatt ma kellu xi forma ta’ kuntatt magħhom. Żiedu li se jżommu lill-ġenituri responsabbli tad-danni li sarulhom.