Aġġornata (6): Żewġ suldati għall-Qorti dwar il-każ tal-qtil f’Ħal Far

Żewġ suldati ġew arrestati fuq il-każ tal-isparatura li ħalliet raġel mejjet fi Triq il-Ġebel f’Ħal Far nhar is-6 ta’ April. L-ewwel suldat ġie arrestat il-Ġimgħa, bit-tieni wieħed jiġi arrestat aktar kmieni llum. Hu maħsub ukoll li hemm it-tielet persuna involuta u li għadha qed tiġi mfittxija. Il-Prim Ministru Joseph Muscat, ikkonferma li l-persuni arrestati huma membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Kmieni wara nofsinhar il-Pulizija ħarġet stqarrija fejn qalet li l-vettura li ntużat f’dan id-delitt u anke l-arma użata ġew identifikati u jinsabu fil-kustodju tal-Pulizija. Fl-istqarrija, l-Pulizija kkonfermat li arrestat żewġ ġuvintur Maltin suspettati b’dan ir-reat. Huma qalu wkoll li minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, m’humiex f’pożizzjoni li joħorġu aktar informazzjoni. Il-Maġistrat tal-għassa ġiet infurmata bl-iżviluppi u għaddejja ukoll Inkjesta Maġisterjali.

Il-każ kien seħħ għall-ħabta tal-11:00pm, meta ġew sparati tiri minn ġo karozza għal fuq il-vittma li kien miexi ma żewġ persuni oħra. Iż-żewġ vittmi l-oħra għandhom 22 u 28 sena.


Reazzjoni immedjata minn 3 NGOs

Integra Foundation, JRS Malta u Aditus Foundation fi stqarrija qalu li l-arrest ta’ wieħed mill-persuni ssuspettat għall-qtil u l-attakk li seħħ f’Ħal Far iġibilhom sens ta’ serħan iżda wara kollox anka sens ta’ rabja.  Huma qalu li Lassana kien speċifikament maqtul f’għadira demm kiesaħ u biered minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu. L-għaqdiet stqarrew li jisperaw li dan l-arrest iġib miegħu serħan tal-moħħ lill-familja ta’ Lassana, kif ukoll lil Mohamed u Ibrahim, iż-żewġ vittmi l-oħra tal-isparar.

‘Xokk kbir, dwejjaq u tal-mistħija’ – L-Arċisqof Charles J. Scicluna

B’reazzjoni għall-aħħar żviluppi f’dan il-każ, l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal fuq Twitter li l-aħbar hi xokk kbir, tad-dwejjaq u tal-mistħija fil-konfront tar-razziżmu u l-mibgħeda.

Muscat jikkonferma li ż-żewġ persuni arrestati huma suldati

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma permezz ta’ Twitter li ż-żewġ persuni li s’issa ġew arrestati huma suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta. Fi tweet ftit tas-sekondi wara, il-Prim Ministru qal li qed isiru investigazzjonijiet interni biex ikun magħruf jekk dan kienx każ iżolat jew parti minn xi ħaġa akbar.

‘Diffiċli taċċettaha’ – Arnold Cassola

Fi stqarrija Arnold Cassola qal li dawn it-tip ta’ persuni ssibhom kullimkien, iżda li jkollok żewġ suldati – bis-suppost missjoni li jipproteġu lill-poplu – u minflok, konxjament ikunu involuti f’azzjonijiet ta’ mibegħda u qtil, huwa diffiċli ferm biex taċċetaha.

Cassola qal dawk il-politikanti kollha li xerrdu mibegħda razzjali permezz tat-teoriji abbażi tal-kulur għandhom ħafna dwar xiex iwieġbu. Fl-istqarrija, huwa rringrazzja lill-bqija tal-membri tal-Forzi Armati li huma lesti biex jipproteġu lil kull ċittadin.

‘Dan li ġara huwa diżgustanti’ – Anthony Buttigieg 

Dan li ġara huwa diżgustanti u jmur kompletament kontra l-valuri ta’ pajjiżna. Il-kandidat għall-Ewropa f’isem il-Partit Demokratiku, Anthony Buttigieg saħaq li hemm bżonn jinstagħbu soluzzjonijiet li jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini u li jirrispettaw lil dawk il-persuni li ġew f’Malta biex ifittxu ħajja aħjar.

‘Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna dan ir-reat ta’ mibgħeda’ – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkundanna dan ir-reat ta’ mibgħeda. Fuq Twitter huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jinsisti li ssir investigazzjoni indipendenti urġenti b’mod rett u trasparenti.

Il-President George Vella jesprimi sogħba għall-iżvilupp fl-investigazzjoni

Il-President George Vella esprima s-sogħba tiegħu għall-iżviluppi fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil tas-Sur Lassana Cisse fid-9 ta’ April li għadda.

Fi stqarrija l-President fakkar li kulħadd huwa preżunt innoċenti sakemm ma jkunx instab ħati minn Qorti tal-Ġustizzja.

Huwa saħaq li hu ta’ dispjaċir kbir li l-persuni arrestati huma membri ta’ korp dixxiplinat. Il-President enfasizza li dan m’għandu bl-ebda mod jirrifletti fuq il-korpi dixxiplinati f’pajjiżna, fuq il-korrettezza tal-membri ta’ dawn il-korpi, u fuq ix-xogħol siewi, u l-valuri ta’ lealtà u dedikazzjoni għas-servizz fil-komunità li dawn il-korpi jħaddnu.

F’isem il-poplu Malti u Għawdxi, il-President xtaq iwassal lill-komunità ta’ migranti u barranin f’Malta, is-sentimenti sinċieri ta’ dispjaċir għall-qtil kiesaħ u biered ta’ persuna minn fosthom, u feriment ta’ oħrajn, u jassigurahom li dan l-att ma jirrapreżentax is-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-President wissa dwar il-perikli li jistgħu jwasslu għalihom il-kliem u l-espressjonijiet fiergħa ta’ natura razzista, xenofobika, u estremista. Din il-lingwa ta’ mibegħda hija kundannabbli u m’għandha qatt issib postha fil-kultura Maltija.

Sostna li li okkażjoni bħal din għandha ġġegħielna nirriflettu bis-serjetà u fil-fond, u noħolqu djalogu sinċier dwar il-futur ta’ pajjiżna bħala komunità multietnika, multikulturali, u tolleranti.

Il-President temm jawgura li tirrenja l-kalma u li dan l-inċident ikrah iqarribna lejn xulxin, u mhux jintuża biex idaħħal firdiet fis-soċjetà tagħna.

“Jeħtieġ li ssir inkjesta indipendenti u trasparenti” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew f’dan il-każ, il-Partit qed jitlob u jesiġi li tinħatar inkjesta indipendenti u trasparenti sabiex tinvestiga jekk dan il-qtil setax jiġi evitat u dittermina r-responsabbiltà politika għal dak li seħħ. Kompla li dak li seħħ juri li fadal iktar xi jsir biex Malta tkun pajjiż sigur. Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li jikundanna kull forma ta’ kriminalità, vjolenza razzjali jew diskriminazzjoni ta’ kull forma.