2 stabbilimenti b’multa wara li baqgħu miftuħin

Żewġ stabbilimenti tal-ikel laqqtu multa ta’ €3,000 talli ma obdewx il-liġi biex jibqgħu magħluqin minħabba l-coronavirus.

F’aġġornament dwar il-coronavirus il-Gvern qal li l-istabbilimenti li kisru l-liġi jinsabu f’Baħar iċ-Ċagħaq u fil-Ġnejna.

Kien hemm ukoll massage parlour f’Buġibba li nstab jikser ir-regoli. S’issa saru 1850 spezzjoni, b’450 saru fl-aħħar 24 siegħa.

F’Għawdex saru 270 spezzjoni u ma nstab ebda ksur tar-regolamenti. Il-multa għal min jikser dawn ir-regolamenti hija ta’ €3,000 kull darba li l-istabbilimenti jinqabdu miftuħa.

Fl-aħħar 24 siegħa saru total ta’ 378 spezzjoni f’Malta u 34 spezzjoni f’Għawdex fuq nies li suppost qegħdin fi kwarantina. Waqt dawn l-ispezzjonijiet nstabu tmien persuni jiksru l-liġi u ġew immultati €3,000 kull wieħed. Għaldaqstant, in-numru ta’ multi li nħarġu mill-awtoritajiet issa tela’ għal 19.

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li Malta rreġistrat 11-il każ ġdid f’Malta. B’hekk it-total tela’ għal 64 każ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn