Iżjed skejjel jagħlqu l-bibien tagħhom minħabba l-coronavirus

Aġġornat 07:26 PM
Skola
Ritratt: Miguela Xuereb

Il-Kulleġġ St Edward’s u l-Iskola San Anton ħabbru li se jagħlqu l-bibien tagħhom għal ftit jiem minħabba l-imxija tal-coronavirus. Ftit wara, anke l-iskejjel St Michael’s, San Andrea u St Catherine’s ħabbru li se jagħlqu għal xi jiem.

Hekk kif qed jikber it-tħassib fuq il-virus wara li lbieraħ ġie ddikjarat bħala pandemija, qed issir iżjed pressjoni fuq il-Gvern biex jagħlaq l-iskejjel.

Il-Kulleġġ St Edward’s se jagħlaq minn għada sa nhar it-Tlieta li ġej, filwaqt li l-Iskola San Anton għandha tagħlaq minn nhar it-Tnejn li ġej għal perjodu ta’ ġimagħtejn, perjodu li jaf jiġġedded. L-iskejjel St Michael’s u St Catherine’s se jingħalqu minn għada, filwaqt li l-Iskola San Andrea se tagħlaq għal ġimgħa minn għada sal-ġimgħa ta’ wara.

L-email li rnexxielu jikseb Newsbook.com.mt li ntbagħat lill-ġenituri mill-Iskola San Anton jgħid li l-iskola diġà ttestjat il-possibbiltà ta’ tagħlim virtwali mal-istudenti li kienu kwarantina fl-aħħar ġimagħtejn, u qed jippjanaw li jimplimentaw strateġiji oħra għat-tagħlim tal-kurrikulu.

Il-Kulleġġ St Edward’s ippubblika avviż fuq Facebook iffirmat mill-Prinċipal tal-Kulleġġ. Fih qal li t-tlett ijiem li l-iskola mhux se tiftaħ fihom għandhom jitnaqqsu mill-vaganzi, jew mill-vaganzi tal-Għid jew minn dawk tas-sajf.

Mit-18 sal-20 ta’ Marzu diġà kellhom ikunu vaganzi u se jibqgħu hekk. L-iskola tkompli bħas-soltu mit-23 ta’ Marzu.

Good Morning,After lengthy discussions with all stakeholders of our SEC community, I am informing you that we will be…

Posted by St Edward's College, Malta on Thursday, March 12, 2020

Sorsi ta’ Newsbook.com.mt qegħdin jgħidu li anke l-iskola St Martin’s se tingħalaq.

Ilbieraħ il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal fil-Parlament li għad m’hemmx lok għall-għeluq tal-iskejjel. Illum, l-MUT għandha tiltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela biex tiddiskuti dan.

Il-Ministru qiegħed jiltaqa’ ma’ Ministri għall-Edukazzjoni Ewropej permezz ta’ videoconferencing biex jiddiskutu l-miżuri li qegħdin jittieħdu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn