2 servizzi ġodda provduti fil-Berġa taż-Żejtun

DOI: Omar Camilleri

Il-Berġa taż-Żejtun se tipprovdi ħames servizzi mediċi, bi tnejn minnhom li huma ġodda. Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li inawgura l-Berġa li ġiet irrinovata.

Fil-Berġa se jkun hemm tabib tal-familja u infermiera, se jingħata servizz ta’ patoloġija tal-lingwa mitkellma, servizz ta’ podjatrija, u fiżjoterapija. Pazjenti li jkollhom bżonn ta’ fiżjoterapija se jkunu qed isirulhom it-testijiet tal-bidu fil-Berġa minflok fiċ-Ċentru tas-Saħħa.

Il-Ministru Fearne qal li dan se jkun qed jgħin biex permezz tas-servizzi mediċi fil-komunità se jwasslu biex ir-residenti jersqu lejhom aktar qabel milli kieku wieħed ikollu jmur f’post ċentralizzat bħalma hu l-isptar.

Id-Dipartiment tal-Kura Primarja se jkun qed jimbarka fuq programm ta’ ġbir ta’ rekords ta’ pazjenti b’mod elettroniku. Il-Ministru Fearne qal li din is-sistema se jkun disponibbli f’kull Ċentru tas-Saħħa u f’kull Berġa fil-komunità sas-sena d-dieħla.