2 rapporti ta’ abbuż fuq l-anzjani f’sena u nofs – il-Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija qal li rċieva żewġ rapporti dwar abbuż fuq l-anzjani mill-2018 s’issa. Dan intqal wara li l-korp laqqat kritika minn professur li qal li l-Pulizija ta’ Malta m’għandhiex il-ħiliet neċessarji biex tindirizza l-abbuż tal-anzjani b’mod sodisfaċenti. Skont rapport fil-midja, kien hemm 400 rapporti dwar każijiet ta’ abbuż bejn l-2013 u l-2014.

Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li skont statistika miksuba mis-Sezzjoni tal-Kontra l-Vizzji, bejn Jannar 2018 u lbieraħ saru żewġ rapporti mal-Pulizija, wieħed f’Lulju 2018 u ieħor f’Awwissu 2019.

Fl-2013, il-Ministru Manuel Mallia qal li bejn Jannar u Settembru tal-2013 il-Pulizija kellha 187 rapport ta’ abbuż fuq persuni ta’ sittin sena jew aktar. Skont MaltaToday, kien hemm 400 każijiet irrappurtati ta’ abbuż fuq l-anzjani bejn l-2013 u l-2014.

Kriminalità f’San Vinċenz: X’jiġri fid-dar tal-anzjani?

Il-kelliema qalet li s-suġġett tal-abbuż tal-anzjani huwa parti mis-suġġett tal-Community Policing, suġġett li jiġi mgħallem lir-rekluti kollha ġewwa l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati.

“Reċentament varajna proġett pilota ta’ Community Policing ġewwa l-Mellieħa, bil-pjan li dan jiġi estiż fl-lokalitajiet oħra fil-futur qrib.”

Proġett pilota għal tnaqqis fil-kriminalità; ‘Ilna nipproponuha sena u nofs’ – PN

Il-kelliema qalet ukoll ma’ Newsbook.com.mt li bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità, il-Korp, permezz ta’ uffiċjali minn sezzjonijiet differenti qed jagħmel ukoll taħditiet ta’ prevenzjoni mir-reati inġenerali fiċ-Ċentri tal-Anzjani madwar Malta.

Il-Professur Marvin Formosa qal li l-Pulizija ta’ Malta m’għandhiex il-ħiliet neċessarji biex tindirizza l-abbuż tal-anzjani b’mod sodisfaċenti. Formosa qal li s’issa Malta m’għandhiex awtorità li għandha l-mandat li tindirizza każijiet ta’ abbuż. Qal ukoll li l-Pulizija m’għandhiex l-għarfien neċessarju dwar dan l-abbuż.

Il-pulizija bla ħiliet biex jindirizzaw l-abbuż tal-anzjani b’mod sodisfaċenti – professur