2 pulizija l-isptar, ħabta bejn 5 karozzi u 2 muturi

Read in English.

Żewġ pulizija ddaħħlu l-isptar Mater Dei għall-kura, f’ħabta head-on fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera. Huma sofrew ġrieħi ħfief.

L-inċident seħħ ilbieraħ f’11.55pm f’ħabta bejn karozza u numru ta’ vetturi pparkjati.

Żagħżugħ ta’ 25 sena minn Raħal Ġdid kien qed isuq karozza fid-direzzjoni ta’ Fleur-De-Lys, meta tilef il-kontroll tal-karozza u ħabat f’Mercedes li kienet ipparkjata.

Bid-daqqa, il-vettura misjuqa miż-żagħżugħ spiċċat baqgħet dieħla b’impatt vjolenti ħafna fil-karozza tal-Pulizija li fiha kien hemm żewġ uffiċjali u li kienet ipparkjata quddiem l-għassa.

L-istess karozza sussegwentement baqgħet dieħla f’żewġ vetturi u żewġ muturi pparkjati.

Immedjatament fuq il-post marret ambulanza li ħadet liż-żewġ pulizija l-isptar. Iż-żagħżugħ u t-tfajla li kienet fil-karozza miegħu ma ġarrbux ġrieħi. Jidher li ż-żagħżugħ rriżulta pożittiv li kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Infetħet inkjesta maġisterjali. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.