“2 persuni l-ICU; Il-miżuri t’issa mhumiex biżżejjed” – Dr Balzan

Żewġ pazjenti li rriżultaw pożittivi għal COVID-19 jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva f’Malta.

Dawn il-każijiet ġew żvelati u kkonfermati minn Dr Martin Balzan, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), fejn ma’ Newsbook.com.mt ikkonferma li dawn iż-żewġ pazjenti qed jingħataw kura intensiva minħabba l-kundizzjoni tagħhom, filwaqt li sostna li din l-informazzjoni hija verifikata kollha. Dr Balzan qal li kull min jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva jkun hemmhekk għax ikollu mard serju li jpoġġih fil-periklu tal-mewt.

“Jekk tara r-rata li qed iżżid biha l-pandemija u tikkumparaha mal-miżuri li qed jieħu l-Gvern, il-miżuri li ttieħdu s’issa biex jillimitaw l-attivtajiet tal-massa mhumiex biżżejjed biex idawru t-trend ‘l isfel”. Hekk sostna Dr Martin Balzan.

F’kumment esklussiv li Dr Balzan ta lil Newsbook.com.mt hekk kif illum tħabbar numru rekord ta’ 55 każ ġdid, huwa qal li biex indawru t-trend ‘l isfel jeħtieġ li Malta twaqqaf l-attivitajiet tal-massa u ma tippermettix li jiltaqgħu iktar minn 10 persuni f’daqqa f’post wieħed, kif talbet il-MAM f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Dr Balzan żied jgħid ukoll li Malta għandha problema bl-ajruport hekk kif s’issa dan għadu miftuħ għal passiġġieri minn ‘high risk countries’. Il-President tal-MAM innotta li madanakollu jidher li “qabel ma nagħlqu aħna jidher li se jagħlquna pajjiżi oħra”, hekk kif diversi pajjiżi qed jikkunsidraw li jpoġġu l-Malta fuq ir-‘red list’ jew jirrikjedu swab test qabel jew wara ma’ passiġġier jivjaġġa hemmhekk minn Malta.

Huwa sostna li lbieraħ id-Deputat Prim Ministru Chris Fearn aċċena għal fatt li qed jiġi kkunsidrat li  dawk li jkunu ġejjin minn xi pajjiżi jew ibliet meqjusa ta’ riskju għoli għall-coronavirus se jkollhom jippreżentaw ċertifikat li fit-48 siegħa ta’ qabel kienu negattivi. Madanakollu, s’issa din id-deċiżjoni ma ttiħditx temm jgħid Dr Balzan.