2 persuni jinqabdu f’għar fil-Polonja; għexieren jippruvaw isalvawhom

Podmokly via REUTERS

Għexieren ta’ persuni ngħaqdu flimkien sabiex jippruvaw isalvaw lil żewġ persuni li nqabdu f’għar fil-Polonja fil-muntanji Tatra. Dan wara li d-daħla dejqa tal-għar għerqet u b’hekk ma hemmx mod kif dawn jistgħu joħorġu.

Rappreżentant tas-servizzi ta’ salvataġġ qal li għadu ma rnexxilhomx jagħmlu kuntatt maż-żewġ persuni u jinsabu inkwetati hekk kif dawn ilhom sigħat twal esposti għal kundizzjonijiet estremi.

Xi persuni kienu lesti li jużaw splussivi sabiex jiftħu rotta ta’ aċċess, madanakollu qalu li l-proċess ma jkunx wieħed rapidu. Rappreżentant tal-ħidma qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat mill-istazzjoni TVN.

Il-kelliem qal li għandhom il-materjal kollu neċessarju, madanakollu qal li x-xogħol jista’ jdum għal ħafna jiem jekk mhux anke ġimgħat.

Iż-żewġ persuni nqabdu fl-għar Wielka Sniezna, li huwa l-aktar għar fond fil-muntanji Tatra, is-Sibt li għadda. L-ewwel grupp ta’ salvataġġ intbagħat is-Sibt filgħaxija u minn dak iż-żmien, żewġ gruppi oħrajn, inkluż ħaddiema tad-dipartimet tat-tifi tan-nar ta’ Krakow marru jagħtu l-għajnuna tagħhom.