2 persuni arrestati wara hold-up fl-Imsida

Żewġ persuni ġew arrestati b’rabta ma’ serqa rrappurtata fil-15 ta’ Novembru fl-Imsida.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li raġel ta’ 34 sena u mara ta’ 25 sena, li huma suspettati li wettqu hold-up xahar ilu fl-Imsida, ġew arrestati lbieraħ filgħodu f’Tal-Pietà.

Investigazzjonijiet wasslu biex wara li ġew identifikati ż-żewġ persuni li wettqu s-serqa, fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu, il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri bdew isegwu l-passi tagħhom. Għal xi d-9.30am, iż-żewġ persuni, li kienu f’karozza, ġew iċċirkondati f’Tal-Pietà u arrestati.

Huma allegatament wettqu hold-up fuq raġel ta’ 50 sena, fil-15 ta’ Novembru li għadda u dakinhar użaw l-istess vettura li kienu biha lbieraħ filgħodu.

Iż-żewġ persuni se jitressqu l-Qorti llum għall-ħabta tal-11.30am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u mill-Ispettur Colin Sheldon tad-Distrett.