2 persuni arrestati talli serqu minn ġo djar fis-Swieqi

serq ġojjelli flus
CMRU

Il-Pulizija arrestat lil żewġ persuni talli wettqu serqiet minn ġo djar fis-Swieqi l-lejl li għadda.

L-arresti saru b’ħidma konġunta bejn il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u l-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.

Kien għall-ħabta tal-5.20am li l-pulizija ġew infurmati li hemm persuna suspettuża li daħlet f’residenza fi Triq il-Kejla, is-Swieqi.

Il-pulizija mir-Rapid Intervention Unit marru fuq il-post fejn sabu lil żagħżugħ ta’ 24 sena u arrestawh. Irriżulta wkoll li l-istess persuna kienet involuta f’serqa oħra minn residenza
fl-istess triq. Minn tfittxija li saret fuqu, instabu diversi oġġetti ta’ valur u flus kontanti li nsterqu minn dawn ir-residenzi. Il-persuna arrestata kienet ukoll fil-pussess ta’ sustanza suspettata li hi droga.

Minn iktar investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett, ġiet identifikata persuna oħra allegatament involuta f’dawn is-serqiet. F’ħidma kordinata bejn tad-Distrett u l-RIU, ġie
arrestat raġel f’residenza fil-Fgura. Waqt tfittxija li saret instabu oġġetti oħra li nsterqu mis-Swieqi.

Iż-żewġ irġiel barranin qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana. L-investigazzjonijiet dwar dan l-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.