2 persuni arrestati għax inqabdu bil-kokaina u l-kannabis

Mara u raġel ġew arrestati lbieraħ għax inqabdu fil-pussess aggravat ta’ kokaina u kannabis fil-Ħamrun u fix-Xagħra f’żewġ każijiet separati. Huma għandhom jitressqu l-qorti llum.

L-arresti seħħew permezz ta’ ħidma tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta u anke f’Għawdex.

Il-mara, li għandha 43 sena u hi residenti l-Belt Valletta, ġiet arrestata fil-Ħamrun wara li nstabet fil-pussess ta’ sustanza suspettata droga kokaina u ħaxixa tal-kannabis. L-ammont misjub jindika li ma kinux għal użu personali.

Ir-raġel, li għandu 29 sena u hu residenti x-Xagħra, ġie arrestat fl-Imġarr, Għawdex, wara
li nstab b’ammont ta’ droga kokaina lesta biex tiġi traffikata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u l-persuni mistennija jitressqu separatament b’arrest il-qorti fis-sigħat li ġejjin, bil-mara tkun akkużata b’pussess aggravat ta’ droga kokaina u ħaxixa tal-kannabis, filwaqt li r-raġel se jkun akkużat b’pussess aggravat tal-kokaina.