2 persuni arrestati għax inqabdu bid-droga

CMRU

Żewġ persuni ġew arrestati għax inqabdu bid-droga li ma jidhirx li kienet għall-użu tagħhom.

Il-Pulizija ħabbret li l-arrest ta’ mara ta’ 30 sena u raġel ta’ 29 sena, it-tnejn residenti l-Belt Valletta, twettaq ilbieraħ filgħodu mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.

Wara jiem ta’ osservazzjoni tal-persuni fuq suspett ta’ traffikar tad-droga, il-pulizija waqqfuhom fil-Marsa. Minn tfittxijiet li saru fuqhom, fil-vettura u fir-residenza tagħhom,
instabu sustanzi suspettati li huma kannabis u kokaina, maħsubin li ma kinux għall-użu esklussiv tagħhom.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu b’arrest il-qorti llum għall-ħabta ta’ 12pm quddiem il-Maġistrat Dr Natasha Galea Sciberras.