2 passiġġiera jħossuhom ma jifilħux fuq titjira; “siegħa fuq l-ajruplan wieqaf”

Read in English.

Żewġ passiġġieri li waslu Malta fuq titjira minn Edinburgh fl-Iskozja kellhom bżonn il-kura medika u ssejħet ambulanza.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Gvern, li qal li minħabba s-sitwazzjoni preżenti, kull passiġġier intalab jimla locator forms biex f’każ li jinqala’ xi ħaġa, jkollhom l-informazzjoni meħtieġa. Minkejja dan, għad m’hemmx konferma uffiċjali li dawn il-każi huma relatati mal-coronavirus.

“Għamilna siegħa fuq l-ajruplan”

Wieħed mill-passiġġieri li tkellem ma’ Newsbook.com.mt spjega li persuna ħassha ħażin waqt it-titjira u minħabba s-sitwazzjoni preżenti minħabba l-coronavirus, kulħadd beda jallarma ruħu.

Il-passiġġier fisser li wara li l-ajruplan wasal Malta, il-passiġġieri kollha nżammew fuq l-ajruplan għal madwar siegħa, sakemm is-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata. L-istess passiġġier spjega kif il-bdot spjega li min kien fil-pajjiżi riskjużi jrid jimla l-formula li fiha jniżżel f’liema pajjiż kien. Madanakollu l-passiġġier qal li sal-ħin li kienu qed jgħaddu mill-iskrining ma ngħatawx location form.

It-titjira tar-Ryanair ħalliet Edinburgh ftit wara d-9am u waslet Malta għall-ħabta tas-1.45pm.