2 nisa tqal u 2 itrabi fost il-124 persuna salvati mill-Open Arms

FILE PHOTO: A migrant rescued by NGO Proactiva Open Arms rescue boat in central Mediterranean Sea embraces Open Arms Head Mission, Riccardo Gatti, after arriving at the port of Algeciras in San Roque, southern Spain, August 9, 2018. REUTERS/Juan Medina/File Photo

Il-bastiment tal-għaqda Spanjola għat-tfittxija u salvataġġ Open Arms qed ifittex port sigur fejn jista’ jniżżel 124 li salvaw mill-għarqa. Dan qalitu l-għaqda l-Ġimgħa.

Open Arms salvat 55 persuna minn fuq dgħajsa li kienet qed tgħereq il-Ħamis li fost il-grupp kien hemm żewġt itrabi u 69 persuna oħra minn fuq dgħajsa oħra l-Ħamis filgħaxija, skont dak li kitbet fuq Twitter.

Il-fundatur tal-għaqda, Oscar Camps, qal li fost dawk li ġew salvati l-Ħamis filgħaxija hemm żewġ nisa tqal. Ħafna minn dawk salvati jidher li soffrew vjolenza fil-Libja qabel ma bdew il-vjaġġ tagħhom lejn l-Ewropa.

Open Arms fuq Twitter qal li l-Gvern Taljan qal li jekk il-bastiment jidħol fl-ibħra Taljani dan se jiġi miżmum kif ukoll se jingħataw multa ta’ €50,000. L-għaqda żiedet tgħid li rċievet thedid mill-Gvern Spanjol.

Il-bastiment tal-Open Arms qabad ir-rotta lejn it-Tramuntana bl-għan li jsib port fejn ikunu jistgħu jitniżżlu l-persuni li ġew salvati mill-għaqda.

FILE PHOTO: NGO Proactiva Open Arms rescue boat is seen at the port of Motril, southern Spain October 3, 2018. REUTERS/Juan Medina/File Photo

Il-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini li huwa l-kap tal-partit tal-lemin estrem Lega Nord qal li jrid iżid il-multi fil-konfront ta’ dawk li jsalvaw il-ħajjiet kif ukoll li kwalunkwe bastiment li jidħol fl-ibħra Taljani bla permess għandu jiġi miżmum.

Il-bastiment tal-Open Arms kien twaqqaf milli jopera fil-Mediterran iktar kmieni din is-sena wara li l-awtoritajiet marittimi Spanjoli kienu qalu li l-għaqda kienet kisret ftehim internazzjonali li l-immigranti li jiġu salvati għandhom jittieħdu fl-eqreb port disponibli.

Spanja saret id-destinazzjoni l-iktar popolari mal-immigranti li qed ifittxu l-ażil hekk kif iktar qed jagħżlu li jaħarbu mill-Marokk.