2 MPs ġodda: Thake u Bartolo

David Thake u Ivan Bartolo se jieħdu s-siġġijiet parlamentari tal-eks deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil u Marthese Portelli li rriżenjaw fil-ġimgħat li għaddew.

Kemm Thake kif ukoll Bartolo huma meqjusa bħala kritiċi tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali wasslet ir-riżultat taż-żewġ elezzjonijiet każwali għall-membru parlamentari fid-disa’ u fit-12-il distrett elettorali.

Thake rebaħ b’xagħra wara li hu u l-kandidata l-oħra, Graziella Galea, kienu ras imb ras. Thake kiseb is-siġġu hekk kif il-Kummissjoni Elettorali ddeċidiet li r-rebbieħ għandu jkun il-kandidat bl-ikbar ammont ta’ voti mal-ewwel għadd. Thake ġab 1,654 vot filwaqt li Galea kisbet 1,323.

Mill-banda l-oħra Bartolo ġie elett wara li mas-sitt għadd kiseb il-kwota, dik ta’ 2,206 vot.

Min kien qed jikkontesta?

Għat-12-il distrett biex jimtela l-post ta’ Simon Busuttil kienu qed jikkontestaw ukoll Sam Abela, Simone Aquilina, Graziella Galea u Edward Torpiano.

Għad-9 distrett biex jimtela l-post ta’ Marthese Portelli kien hemm Alan Abela Wadge, Graziella Attard Previ, Roselyn Borg Knight, Albert Buttigieg, Noel Muscat u Charles Selvaggi.

“Ideat friski u ġodda” – Delia

F’laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia qal li Ivan Bartolo u David Thake se jġibu magħhom ideat friski u ġodda fi ħdan il-Grupp Parlamentari tal-PN, fi żmien ukoll meta l-partit jinsab għaddej bir-riforma u t-tiġdid. Huwa awgura lil Ivan Bartolo u lil David Thake ħidma ta’ servizz fi ħdan il-PN, bħala Oppożizzjoni pożittiva u fl-aħjar interess tal-familji u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.