2 minn 3 jaħsbu li d-dimenzja tiġi b’mod normali – stħarriġ dinji

Tnejn minn kull tliet persuni fid-dinja jaħsbu li d-dimenzja tiġi b’mod normali meta wieħed jibker fl-età. Dan instab minn stħarriġ li sar mill-għaqda Alzheimers Disease International (ADI).

B’kollox, 70,000 persuna minn 155 pajjiż wieġbu l-kwestjonarju li permezz tiegħu f’Settembru ġie ppubblikat rapport dwar id-dimenzja.

X’inhi d-dimenzja?

Skont l-Alzheimers Association, id-dimenzja hija kelma li tintuża’ biex tiġbor fiha għadd ta’ mard u kundizzjonijiet li jinvolvu problemi bil-memorja, bil-lingwa, u ħiliet oħra tal-ħsieb li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum ta’ persuna. L-Alzheimer’s hija l-aktar kawża komuni tad-dimenzja.

X’sabet l-ADI?

  • 1 minn kull 4 jaħsbu li m’hemm xejn x’jista jsir biex jipprevjenu d-dimenzja
  • 95% tal-persuni jaħsbu li tista’ taqbadhom id-dimenzja f’xi punt f’ħajjithom
  • Inqas minn 40% jaħsbu li hemm biżżejjed servizzi fil-kommunità għall-persuni li qed jgħixu bid-dimenzja u għal dawk li jieħdu ħsiebhom
  • Aktar hemm ċans li l-irġiel iħallu jgħix magħhom lil xi ħadd li jiġi minnhom li għandhom id-dimenzja milli n-nisa
  • Madwar 40% jaħsbu li l-professjonisti tas-saħħa jinjoraw lin-nies bid-dimenzja
  • 35% tal-carers ħbew dijanjożi tad-dimenzja minn xi ħadd li jiġi minnhom
  • Kien hemm persuni bid-dimenzja li qalu li mhux qed jiġu trattati b’mod ġust f’relazzjonijiet
ADI

Esperjenzi ta’ nies li jgħixu bid-dimenzja

  • “In-neurologist injora l-preżenza tiegħi meta kien qed jiddiskuti d-dijanjożi tiegħi mar-raġel”
  • “Xi kultant jitkellmu ma’ marti dwar affarijiet qisni minix hemm, imma inkun eżatt ħdejhom”
  • “In-neurologist qalli li għandi l-Alzheimer’s meta kelli 56. Qalli mmur id-dar u nipprepara kollox u nistenna sakemm immut qabel iż-żmien.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ ADI Paola Barbarino, rringrazzjat lil dawk kollha li ħadu sehem f’dan l-akbar stħarriġ dwar id-dimenzja li qatt sar s’issa. Qalet li kull fejn tkun fid-dinja, meta n-nies jistaqsuha x’taħdem kważi dejjem ikollhom xi każ bid-dimenzja fil-familja tagħhom.

Lil Barbarino laqtitha esperjenza partikolari ta’ xi ħadd li rrisponda l-kwestjonarju li qal li qed jiġi mwarrab minn mijiet ta’ persuni fir-raħal tiegħu. Qal li n-nies jippreferu li jkollhom kanċer tas-sider milli d-dijanjożi tiegħu. Qal li lanqas iridu jħarsu f’għajnejh in-nies.

Barbarino qajmet ukoll tħassib dwar kif l-importanza tat-tnaqqis tar-riskji għad-dimenzja mhux qed tasal għand in-nies. “In-nies ma jafux x’għandhom jagħmlu,” qalet Barbarino.

L-ALDI qalet li hemm aktar minn 50 miljun persuna li qed jgħixu bid-dimenzja u li sal-2050 dan in-numru se jitla’ għal 152 miljun.

L-Alzheimer’s u tipi oħra ta’ dimenzja mhumiex parti mill-proċess normali ta’ meta wieħed jikber fl-età. Madwar 40% tal-persuni akbar minn 65 sena jesperjenzaw xi tipi ta’ telf ta’ memorja, però dan huwa normali meta ma jkunx hemm xi kundizzjoni li qed tikkawża din il-kwistjoni.