2 l-isptar wara ġlieda dwar maskra fuq il-Gozo Channel

Aġġornat 09:19 PM

Read in English.

Żewġt irġiel spiċċaw l-isptar wara ġlieda dwar maskra fuq vapur tal-Gozo Channel.

Kelliem għall-Pulizija qal lil Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ għas-6.30pm. Il-vapur kien sejjer minn Għawdex għal Malta. Skont il-Pulizija raġel ta’ 31 sena mir-Rabat Għawdex u raġel ta’ 34 sena minn Ħaż-Żabbar ittieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Iċ-Chairperson tal-Gozo Channel Joe Cordina qal lil Newsbook.com.mt li jappella lin-nies biex ikomplu jilbsu l-maskri meta jkunu abbord il-vapuri tal-Gozo Channel. Qal ukoll li jappella lill-Gvern biex jipprovdi uffiċjali tal-infurzar fuq il-vapuri.

Cordina qal li l-ħaddiema tal-Gozo Channel ma jistgħux jinfurzaw il-liġijiet. Allura issuġġerixxa li l-Gvern għandu jibgħat enforcement officers fuq il-vapuri kif isir fuq il-karozzi tal-linja.

Grupp ta’ rġiel taw xebgħa liċ-Chief Officer – Ministeru għal Għawdex u l-Gozo Channel

Fi stqarrija l-Ministeru għal Għawdex u l-Gozo Channel qalu li grupp ta’ rġiel taw xebgħa liċ-Chief Officer meta dan ordnalhom jilbsu l-maskra waqt li kienu telgħin fuq il-vapur tal-Gozo Channel Malita.

Intqal li ċ-Chief Officer ittieħed l-isptar u jinsab f’qagħda tajba.

Il-Ministeru għal Għawdex u l-management tal-Gozo Channel ikkundannaw l-attakk. Saħqu li dan l-aġir huwa inaċċettabbli u esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-ħaddiem involut.

Il-maskri obbligatorji fuq il-vapuri – Gozo Channel

Reċentament il-Kumpanija Gozo Channel fakkret li kull persuna li tkun qed taqsam bejn il-gżejjer hija obbligata li tilbes u tibqa’ bil-maskra tul il-vjaġġ kollu. Il-Kumpanija spjegat li anke fit-terminal kull persuna għandha tibqa’ bil-maskra.

Dawn il-miżuri qed jittieħdu minħabba l-pandemija tal-coronavirus.