L-iskejjel primarji ta’ Raħal Ġdid bla ilma; “Tmorrux għax-xogħol”

Aġġornat 01:44 PM

L-iskejjel primarji ta’ Raħal Ġdid għandhom qtugħ fil-provvista tal-ilma, u għalhekk, l-Unjin tal-Għalliema (MUT) qiegħda tordna lill-għalliema biex għada ma jmorrux għax-xogħol.

L-MUT qalet li hi qed tittratta każijiet bħal dawn b’tolleranza żero, peress li bħalissa aktar minn qatt qabel, minħabba l-biża’ mill-coronavirus, jeħtieġ li jkun hemm provvista tal-ilma.

Dalgħodu kien hemm qtugħ f’żewġ istituti fl-MCAST, u l-MUT ħarġet direttiva biex l-għalliema jieqfu mil-lezzjonijiet fil-11.30am. L-MCAST ħabbret iżjed tard li l-ħsara kienet issewwiet u l-provvista kienet lura għan-normal, iżda ħeġġet lill-MUT biex tirtira d-direttiva.

Dwar l-iskejjel primarji A u B f’Raħal Ġdid, l-MUT qalet li l-edukaturi jistgħu jmorru għax-xogħol fit-8.20am fil-binja ALP minflok. Id-direttiva se tiġi rtirata ladarba jerġa’ jkun hemm provvista.

Din id-direttiva tennietha l-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE) għall-membri tagħha.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, diġà kien hemm qtugħ fil-provvista tal-ilma f’dawn iż-żewġ skejjel.

X’ġara fl-MCAST dalgħodu?

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) ħarġet direttiva biex ma jsirux lezzjonijiet f’żewġ istituti tal-MCAST peress li dawn kienu bla ilma. Ftit tas-sigħat wara, l-MCAST ħabbar li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal.

Id-direttiva hija li għandhom jitwaqqfu l-lezzjonijiet kollha mill-11.30am minħabba li m’hemmx provvista ta’ ilma fl-Istitut tas-Servizzi tal-Komunità (ICS) u l-Istitut tal-Maniġment tan-Negozju u l-Kummerċ (IBMC) f’Raħal Ġdid.

L-MUT qalet li d-direttiva għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm il-provvista terġa’ lura. Din id-direttiva tapplika wkoll f’istituti oħra tal-MCAST li għandhom l-istess sitwazzjoni.

Temmet tgħid li, “Hija inaċċettabbli li f’sitwazzjoni li l-pajjiż jinsab fiha bħalissa fl-MCAST hemm saħansitra problema b’servizzi bażiċi ta’ provvista ta’ ilma. L-MUT tistenna li s-sitwazzjoni tiġi solvuta immedjatament.” Iddikjarat tolleranza żero lejn sitwazzjonijiet bħal dawn, u qalet li avżat lil awtoritajiet edukattivi oħra biex jirrappurtaw sitwazzjonijiet simili ħalli joħorġu direttiva.

Bħalissa, minħabba l-biża’ bil-coronavirus, kulħadd qed jiġi mħeġġeġ jaħsel idejh frekwentament. Għalhekk, din is-sitwazzjoni fl-MCAST iżżid l-allarm.

Ma kellniex kontroll – MCAST

L-MCAST ħarġet stqarrija tgħid li l-problemi fil-provvista tal-ilma nħolqu minn xogħol fit-toroq viċin tal-kulleġġ. L-MCAST ma kienx konxju tas-sitwazzjoni, u b’hekk, il-ġibjuni ma mtlewx. Il-Kulleġġ qal li ladarba ntebaħ b’dan, ħa azzjoni mill-ewwel, u x-xogħlijiet ta’ tiswija bdew fil-11am u spiċċaw fis-12.45pm, meta s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal.

Il-Kulleġġ wera d-dispjaċir tiegħu bid-direttiva tal-MUT, peress li skontu, din kienet xi ħaġa li huwa ma kellux kontroll fuqha. Ħeġġeġ lill-MUT biex tirtira d-direttivi.

Filgħaxija, l-UPE qalet li rċeviet konferma mill-Ministeru għall-Edukazzjoni li l-problemi fl-iskejjel primarji A u B f’Raħal Ġdid ġew solvuti. L-unjin ordnat lill-membri tagħha biex għadha jmorru għax-xogħol bħas-soltu.

Ftit minuti wara, il-MUT qalet li reġgħet ikkonfermat id-direttivi tagħha dwar Raħal Ġdid. Qalet li ma ġietx assigurata mill-istqarrijiet li l-problemi dwar l-ilma ssolvew.