2 irġiel involuti f’argument f’Għawdex; libertà proviżorja

Żewġt irġiel ingħataw il-libertà proviżorja wara li kienu involuti f’argument.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-każ seħħ fi Triq l-Imgħallem fir-Rabat Għawdex fis-7 ta’ Ottubru. Huma ġew akkużati li kkaġunaw ġrieħi ta’ natura ħfief fuq xulxin u li kissru l-paċi pubblika. L-irġiel għandhom 27 u 28 sena u joqgħodu x-Xagħra u fiż-Żurrieq rispettivament.

Ir-raġel ta’ 28 sena ġie akkużat ukoll li seraq ċavetta ta’ vettura. Dak ta’ 27 sena ġie akkużat li fi Triq Ħaġret l-Armi fix-Xewkija għamel ħsara fuq vettura ta’ terza persuna u li inġurja u hedded terza persuni.

Iż-żewġ akkużati wieġbu ħatja. Ir-raġel ta’ 27 sena ngħata l-libertà proviżorja taħt diversi kundizzjonijiet għal sentejn u ġie ordnat iħallas €800 fi żmien sitt xhur. Ir-raġel ta’ 28 sena ngħata l-libertà proviżorja taħt diversi kundizzjonijiet għal 18-il xahar u ġie ordnat jirritorna lura ċ-ċavetta fi żmien xahar.