Jinħelsu ż-żewġt irġiel li nqabdu b’84kg kannabis

Żewġt irġiel ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ġew arrestati b’rabta ma’ qabda ta’ 84kg kannabis. Iż-żewġt irġiel kienu inqabdu mill-membri tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u Rapid Intervention Unit f’Santa Venera wara jiem ta’ sorveljanza.

Id-droga kienet instabet moħbija f’għamara ġo trakk misjuq minn wieħed mill-akkużati fit-30 ta’ Ġunju. Id-droga kannabis kienet lesta biex tinbiegħ.

L-irġiel tressqu taħt akkużi separati kif ukoll taħt l-akkużi ta’ konfoffa biex jittraffikaw id-droga u l-pussess aggravat tad-droga kannabis li jindika li din ma kinitx għall-użu personali.

Wieħed mill-irġiel kien imressaq ukoll li kien qed jikkonfoffa biex jimporta l-kannabis u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Filwaqt li l-ieħor kien imressaq ukoll fuq pussess tad-droga kokaina u li huwa reċediv.

Il-ħelsien mill-arrest ingħata mill-Maġistrat Doreen Clarke fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €15,000 kull wieħed. L-akkużati ġew ordnati biex jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-Pulizija.