2 irġiel b’libertà proviżorja wara li nqabdu bil-kannabis

CMRU

Żewġ irġiel ingħataw il-libertà proviżorja wara li nqabdu bid-droga nhar il-Ħamis. Il-Pulizija sabet madwar tliet kilogrammi kannabis ġo razzett ir-Rabat waqt rejd.

Iż-żewġ irġiel, ta’ 26 u 29 sena, it-tnejn mir-Rabat, tressqu l-qorti lbieraħ akkużati bil-pussess aggravat tal-kannabis. Wieħed minnhom ġie akkużat ukoll bil-pussess tal-eroina, u li wettaq dawn ir-reati hu u jiskonta sentenza sospiża li ngħatatlu s-sena li għaddiet.

Il-Pulizija arrestat ukoll raġel u mara oħrajn b’rabta mal-każ.

It-tnejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi u talbu għall-ħelsien mill-arrest. L-avukat difensur qal li minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji tal-Covid-19, peress li s-seduti tal-qorti huma kollha sospiżi, mhuwiex ċar għaliex kienet qed issir dik l-ewwel seduta.

L-Ispettur Frank Anthony Tabone mill-Prosekuzzjoni oġġezzjona għat-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba l-għadd sostanzjali ta’ droga misjub, u peress li hemm min irid jixhed fil-każ.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, laqgħet it-talba u tat lill-irġiel libertà proviżorja, b’depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000 għal dak li kiser is-sentenza sospiża. Ir-raġel l-ieħor weħel depożitu ieħor ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huma jridu jiffirmaw l-għassa. Il-Qorti ffriżatilhom l-assi.