2 irġiel arrestati wara li nstabu bil-kannabis

CMRU

Żewġt irġiel ġew arrestati wara li nstabu fil-pussess tad-droga kannabis.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li raġel ta’ 25 sena li kien qed isuq twaqqaf f’Birkirkara. Instab b’madwar ħames kilogrammi raża tal-kannabis lesti biex jiġu traffikati.

F’razzett fl-inħawi tal-Mosta li huwa amministrat minn raġel ta’ 42 sena nstabu moħbija madwar 10 kilogrammi raża tal-kannabis.

L-arresti saru llum wara diversi ġimgħat ta’ ħidma u osservazzjoni mill-Pulizija.

Mhux eskluż li l-irġiel jitressqu l-Qorti għada filgħodu akkużati b’assoċjazzjoni fit-traffikar u pussess aggravat tad-droga.