2 irġiel arrestati talli serqu 130,000 sigarett allegatament għall-kuntrabandu

CMRU

Żewġ irġiel ġew arrestati waranofsinhar fis-Swieqi fuq kuntrabandu ta’ sigaretti.

Dan wara li saret ħidma bejn l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta, assistiti minn membri tad-Dipartiment tad-Dwana.

Mill-investigazzjoniet li saru rriżulta li s-serq tas-sigaretti sar minn maħżen fix-Xatt tal-Belt Valletta. Is-serqa saret fil-bidu ta’ Lulju li għadda.

Wara jiem ta’ stħarriġ b’rabta ma’ dan is-serq, illum għall-ħabta tal-5pm, issoktat il-ħidma tal-Pulizija fi Triq il-Qatta fis-Swieqi.

Il-pulizija, flimkien ma’ membri tad-Dwana, daħlu f’appartament, fejn arrestaw lil raġel ta’ 54 residenti s-Swieqi u raġel ta’ 26 sena residenti l-Mosta. Minn tfittxija li saret, instabu 13-il kaxxa li kien fihom madwar 6,500 pakkett bi kważi 130,000 sigarett.

Allegatament, dawn is-sigaretti kienu se jinbiegħu b’kuntrabandu, bi wħud mill-kaxxi diġà mgħobbija f’vettura ta’ wieħed mill-irġiel.

Iż-żewġt irġiel qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.