Read in English.
Żewġ irġiel ġew arrestati għaliex huma suspettati li serqu ħanut fil-Ħamrun.
Is-serqa ġrat fin-12.30am minn ħanut fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm żewġ persuni suspettużi ġo ħanut. Meta l-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post, sabet ħsarat fuq il-bieb tal-ħanut u l-kexxun fejn jinżammu l-flus miftuħ.
Uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit li kienu qed jagħmlu ronda fl-akkwati arrestaw żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni fi Triq Abela Skolaro.
Is-suspettati huma żewġ irġiel, wieħed ta’ 34 sena minn Raħal Ġdid, u ieħor ta’ 43 sena minn San Pawl il-Baħar.
L-investigazzjonijiet fuq il-każ għadhom għaddejjin.