Ħelsien mill-arrest għall-irġiel li nqabdu bid-droga f’Wied il-Għajn u l-Balluta

Aġġornat 08:42 PM
ecstasy droga
CMRU

Read in English.

Żewġ irġiel, Malti u Alġerin, ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ġew arrestati f’ħidmiet separati mill-Pulizija tad-Distrett u tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, għax inqabdu fil-pussess tad-droga.

Fl-ewwel każ, raġel ta’ 31 sena li joqgħod Wied il-Għajn ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li l-Ħadd li għadda huwa ġie arrestat wara li fuqu nstabu 29 qartas, suspettata li hi kokaina. Ir-raġel kien arrestat il-Ħadd fil-11.30pm waqt li kien qiegħed isir kontroll tat-traffiku mill-Pulizija tad-Distrett fi Triq Sant’Antnin f’Wied il-Għajn.

Il-pulizija nnutaw karozza li kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni tagħhom u f’mument minnhom waqfet fil-ġenb tat-triq. Huma għamlu sinjal lis-sewwieq biex isuq ‘il quddiem, u waqqfuh. Instab li s-sewwieq kellu l-liċenzja tiegħu revokata u b’hekk ġie ordnat biex joħroġ mill-karozza. Saret tfittxija fil-vettura fil-preżenza tas-sewwieq u nstabu diversi pakketti trasparenti tal-plastik bi trab abjad fihom, x’aktarx kokaina. Instab ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Ir-raġel ġie akkużat b’pussess ta’ kokaina li ċ-ċirkostanzi juru li ma kinitx għall-użu personali. Huwa ġie akkużat ukoll li kien qiegħed isuq mingħajr liċenzja u polza tal-assugurazzjoni tal-karozza, kif ukoll li huwa reċediv.

Fil-Qorti huwa wieġeb li mhux ħati. Min-naħa tagħha l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huwa ġie ordnat ukoll li jiffirma l-bail book tliet darbiet fil-ġimgħa u jżomm mal-curfew bejn it-8pm u s-7am.

L-akkużat tpoġġa taħt ordni ta’ supervizjoni.

L-Ispettur Melvin Zammit mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Francesca Zarb dehru għall-akkużat.

It-tieni każ

F’każ separat, Alġerin ta’ 30 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn huwa kien arrestat fuq suspett ta’ traffikar tad-droga fil-pjazza tal-Balluta f’San Ġiljan. Dan l-arrest sar b’ħidma li saret mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.

Wara tfittxija li saret  fuq ir-raġel, il-pulizija sabet €460 fi flus kontanti kif ukoll boroż b’pilloli suspettati li huma ecstasy, kif ukoll kokaina, ħaxixa u raża tal-kannabis, allegatament lesti biex jiġu ttraffikati.

Fil-Qorti, ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ pussess u traffikar tad-droga li ċ-ċirkosatanzi juru li dawn kienu lesti biex jiġu t-traffikati. Huwa kien akkużat ukoll li kien jinsab f’distanza ta’ inqas minn 100 metru minn fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

L-Ispettur Marshal Mallia spjega li fuq WhatsApp instabu messaġġi li juru li r-raġel kien qiegħed jittraffika d-droga.

L-avukati min-naħa tad-difiża talbu l-ħelsien mill-arrest madankollu l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-indirizz tad-dar huwa differenti minn dak li jidher fuq il-permess ta’ residenza.

L-avukat tad-difiża Franco Debono qal li din hija kwistjoni żgħira u qal li normalment il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest jippermettu li jekk l-akkużat ibiddel l-indirizz jinforma lill-pulizija.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €25,000. Huwa ġie pordnat jiffirma l-bail book kuljum u jżomm mal-curfew bejn it-8pm u s-7am.

L-avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Francesca Zarb Dehru għall-akkużat.