2 irġiel arrestati għal serq minn sit ta’ kostruzzjoni f’Ħal Qormi

serq kostruzzjoni
CMRU

Żewġ irġiel ġew arrestati talli wettqu serqa f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħal Qormi.

Kmieni dalgħodu għall-ħabta tan-12.30am, il-Pulizija tad-Distrett irċevew telefonata b’informazzjoni li xi persuni daħlu f’residenza li qiegħda tinbena fi Triq il-Ġdida, u bdew jisirqu. Minnufih, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett, marru fuq il-post diversi vetturi tar-Rapid Intervention Unit u bdew tfittxijiet f’binjiet li qegħdin jinbnew fl-istess triq.

Quddiem waħda minn dawn ir-residenzi l-pulizija nnutaw vettura miftuħa, biċ-ċwievet fiha u mgħobbija b’ammont ta’ għodda tal-kostruzzjoni. Dan qajjem iktar suspett, u għalhekk, il-pulizija komplew ifittxu fl-akkwati. Din it-tfittxija rriżultat fil-pożittiv peress li f’garaxxijiet ta’ binja fl-istess triq ġew arrestati ż-żewġ irġiel li kienu qed jistaħbew fid-dlam.

Iż-żewġ irġiel għandhom 31 sena u 30 sena, u huma mis-Siġġiewi u mill-Ħamrun rispettivament.

Minn iktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-vettura li intużat f’din is-serqa kellha mwaħħla pjanċi tar-reġistrazzjoni ta’ vettura oħra u l-liċenzja skaduta.

Iż-żewġ irġiel issa qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn