2 irġiel arrestati b’rabta ma’ diversi serqiet

CMRU

Il-Pulizija arrestat żewġ irġiel b’rabta ma’ diversi serqiet. L-irġiel kienu arrestati b’rabta ma’ każi separati ta’ serq.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li raġel minnhom, Libjan ta’ 38 sena residenti San Pawl il-Baħar, kien identifikat li wettaq żewġ serqiet minn residenzi privati fiż-Żebbuġ, Għawdex u f’San Pawl il-Baħar. Is-Sibt li għadda, il-Pulizija ta’ Kontra r-Reati Vjolenti bl-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), daħlu f’appartament il-Balluta fejn kien qed jistaħba r-raġel. Kif ir-raġel nnota lill-Pulizija, pprova jattakkahom b’arma li taqta’ u bil-ponta iżda twaqqaf mill-ewwel u ġie arrestat. Fortunatament, ħadd ma weġġa’.

Ir-raġel l-ieħor, ta’ 30 sena residenti Ħal Tarxien, ġie arrestat fiż-Żejtun f’inqas minn 24 siegħa wara li seħħ il-każ. L-investigazzjonijiet urew li r-raġel kien l-aggressur f’serqa fuq żewġ persuni waqt li kienu qegħdin fi Triq Id-Dugh, f’Wied il-Għajn nhar it-8 t’Awwissu, 2020. Allegatament, ir-raġel uża taser biex ibeżża’ lill-vittmi.

Aktar tard illum, il-Pulizija se tressaq b’arrest lil dawn il-persuni l-Qorti.