2 Ingliżi vvelenati minn kimika Russa

Żewġ Ingliżi jinsabu fil-periklu tal-mewt wara li ġew f’kuntatt ma’ kimika organika li jkun fiha l-fosfru, li l-effett tagħha hu li tipparalizzalek in-nervituri li jgħaddu l-messaġġi lill-organi fil-ġisem.

Din il-kimika hija l-istess waħda li f’Marzu li għadda ħalliet lill-ekspijja Russu Sergei Skripal, u bintu Yulia, f’kundizzjoni kritika, liema każ wassal għat-tieni l-akbar tkeċċija ta’ diplomatiċi Russi mir-Renju Unit, wara l-31 li tkeċċew wara li l-aġent Oleg Gordievsky ħarab lejn ir-Renju Unit.

Iż-żewġ persuni, mara ta’ 44 sena u raġel ta’ 45 sena ttieħdu l-isptar wara li instabu f’kundizzjoni ħażina s-Sibt li għadda f’Amesbury, ftit ‘il bogħod minn Salisbury fejn sar l-attakk fSkripal.

Wieħed mill-ogħla uffiċjali kontra t-terroriżmu fir-Renju Unit, Neil Basu, żvela li wara r-riżultati li ħarġu mit-testijiet huma ġew esposti għall-aġent tan-nervituri Novichok. Madanakollu insista li m’hemm xejn fir-rekord taż-żewġ vittmi li jista’ jwasslu biex jifhem li dawn iż-żewġ persuni kienu fil-mira ta’ xi ħadd.