​2 inċidenti minħabba ħofra kbira fil-Mosta; “prekawzjonijiet immedjati” minn TM

Mill-inqas żewġ persuni kellhom inċident minħabba ħofra kbira li kien hemm Triq il-Fortizza l-Mosta, ħofra li Transport Malta ħadet “prekawzjonijiet immedjati” dwarha.
Fuq il-midja soċjali diversi persuni kienu qed javżaw lis-sewwieqa biex joqgħodu attenti għall-ħofra minħabba d-daqs u l-pożizzjoni tagħha.
Wara li ra dawn ir-rapporti, Newsbook.com.mt mar fuq il-post ilbieraħ fejn deher li kien diġà sar xogħol ta' manutenzjoni.

Kelliema għall-Pulizija qalet li żewġ persuni kellhom inċidenti separati fi Triq il-Fortizza l-Mosta minħabba l-ħofra, wieħed li seħħ fil-15 ta’ Frar u l-ieħor fis-16 ta’ Frar. Skont il-Pulizija ħadd ma' weġġa' f'dawn l-inċidenti.
Ma’ Newsbook.com.mt kelliem għal Transport Malta qal li l-Awtorità ġiet infurmata mill-Pulizija li l-ħofra żviluppat konsegwenza tax-xita. Huwa qal li “bħal ma tagħmel f'każijiet simili, l-Awtorità ħadet prekawzjonijiet immedjati billi għalqet iż-żona madwar il-ħofra permezz ta' barriers apposta”. Qal li dan sar biex jitneħħa l-periklu għas-sewwieqa u jiġu evitati inċidenti.  Żied jgħid li kien sar kuntatt mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar biex tikkordina x-xogħol ta' rimedju li għandu jsir. 
Ritratti: David Cachia, Ian Noel Pace