2 immigranti evakwati mill-AFM minħabba assistenza medika

Sea-Eye

Żewġ immigranti ġew evakwati minn fuq żewġ bastimenti differenti mill-Forzi Armati ta’ Malta hekk kif kellhom bżonn assistenza medika.

Fi stqarrija, l-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) spjegaw li l-evakwazzjonijiet mediċi saru lbieraħ. Iż-żewġ persuni kienu raġel ta’ 50 sena li kien abbord il-bastiment MV Fedora u mara ta’ 24 sena li kienet abbord il-bastiment MV Alan Kurdi. It-tnejn kellhom bżonn attenzjoni medika urġenti.

Il-ħidma mill-AFM saret permezz tal-vapur ta’ ħidma u salvataġġ il-Melita 1.

Propju jumejn ilu, mara oħra li kienet fuq il-bastiment Alan Kurdi ġiet evakwata mill-AFM. Din kellha bżonn attenzjoni medika urġenti.

Aqra: Mara evakwata mill-bastiment Alan Kurdi

Kważi tmint ijiem bejn sema u ilma

Intant, il-bastiment Alan Kurdi ilu issa kważi tmint ijiem bejn sema u ilma. Fi stqarrija l-għaqda Sea-Eye qalet li s-sitwazzjoni fuq l-Alan Kurdi saret “allarmanti”. Filwaqt li 64 persuna kienu ġew salvati, aktar minn 50 persuna għadhom mitlufin.

Aqra: Alan Kurdi: Il-vapur ma jiċċaqlaqx u għadu ’l barra minn Malta

Minħabba li s’issa ma kien hemm l-ebda żblokk għal kriżi diplomatika oħra bejn Malta u l-Italja, il-bastiment Alan Kurdi għadu jdur fl-istess żona ‘l barra mill-kosta Maltija. Il-Manager tal-Ħidma Jan Ribbeck spjega li 81 persuna ilhom jgħixu f’kamra magħmula għal 20 persuna mill-Ħadd filgħaxija. Ribbeck huwa wkoll tabib.

Aqra: “Ġiet sfurzata taħdem f’burdell u ttorturata” – mara fuq Alan Kurdi