2 ħabtiet; jistgħu jgħodduha b’waħda

Tliet sewwieqa jistgħu jgħodduha b’waħda hekk kif kmieni dalgħodu kienu involuti f’inċidenti tat-traffiku.

Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu seħħ inċident tat-traffiku fil-Ħamrun. Kien għall-ħabta tas-2.30am fi Pjazza San Pawl li sewwieq tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq u daħal f’arblu taz-zebra crossing u f’bankina. Minkejja li ssejħet ambulanza fuq il-post, is-sewwieq ma ġarrab l-ebda ġrieħi.

Intant, skont kelliema għall-Pulizija dalgħodu seħħ inċident ieħor fl-inħawi ta’ Buqana fil-limiti tar-Rabat.  L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.30am bejn żewġ karozzi li spiċċaw fuq central strip. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.