Aġġornata: 2 gravi wara li spiċċaw il-baħar fit-tarzna

Raġel li kien qed isuq forklifter ġewwa baċir, laqat raġel ieħor, bit-tnejn jispiċċaw il-baħar. Aktar kmieni llum, għall-ħabta 9:30am il-Pulizija ġiet infurmata li seħħ inċident ġewwa t-tarzna fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, u li kien hemm xi persuni feruti.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel Rumen ta’ 48 sena kien qed isuq forklifter ġewwa l-baċir meta għal xi raġuni laqat raġel, Rumen ukoll, u waqgħu l-baħar.

L-irġiel ittellgħu l-art minn ħaddiema oħra li kienu fil-baċir. Fuq il-post issejjaħ tim mediku u permezz t’ambulanza l-irġiel ittieħdu minnufih l-isptar Mater Dei biex jingħataw il-kura meħtieġa. Skont stqarrija maħruġa mill-pulizija, aktar tard, huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

“It-tarzna tirrispetta l-ogħla standards ta’ sigurtà internazzjonali” – kelliem għal Palumbo

Fi stqarrija, kelliem għall-kumpanija Palumbo qal li t-tarzna tirrispetta l-ogħla standards ta’ sigurtà internazzjonali kif ukoll li jżommu l-benesseri tal-impjegati tagħha fuq quddiem nett. Il-kumpanija qalet li qed iżżomm taħt għajnejha l-kundizzjonijiet taż-żewġ Rumeni.