Il-Klabb tal-Fniek f’Malta (The Malta Rabbit Club) beda s-sena fuq nota impenjattiva għaliex fl-ewwel ftit jiem tas-sena, diġà rnexxielu jsalva żewġt ifniek.
Dawn ġew salvati f’Burmarrad u l-Fgura, meta segwaċi tal-klabb għamlu kuntatt għax sabu lill-fniek f’kundizzjonijiet xejn sbieħ.
L-ewwel storja ta’ salvataġġ seħħet fl-ewwel jiem tas-sena meta fenka tar-razza Mini Angora kulur tal-pil Smoke li għandha madwar sena nstabet minn żewġ aħwa, Marija u Justine Borg Bonaci, fil-limiti tas-Salini. Hija nstabet taħt il-piż u b’infezzjoni taħt żaqqha.
Kellha l-pil magħqud, li hi ħaġa normali li fniek bil-pil twil ibatu minn dan, iżda l-klabb spjega li pil magħqud u forsi maħmuġ jew imxarrab li jżomm il-ġilda tal-fenek niedja, iwassal biex il-ġilda tinfezzjona ruħha, iżda din hi kundizzjoni kurabbli.
Il-Klabb avża li l-fenka qiegħda kwarantina taħt il-ħarsien tal-President tal-klabb, imlaqqam “il-Pres,” li qed jagħtiha l-kura kollha meħtieġa. Il-klabb għandu t-tradizzjoni li min isalva lil xi fenek jew fenka, jagħżel l-isem għalihom, u l-aħwa Borg Bonaci semmewha Sophie.
It-tieni storja ta’ salvataġġ tal-klabb għall-2021 seħħet fil-Fgura, fejn il-jottijiet, meta MaryJane Attard ikkuntattjat lill-klabb meta sabet lill-fenka.
Il-klabb spjega li l-fenka għandha d-dud ma’ widnejha u ċesta kbira taħt għonqha, ikkaġunata minn xi darsa ta’ wara fix-xedaq tagħha. Issokta jgħid li din kurabbli żgur.
Il-fenka ġiet imtaqqba, u l-klabb se jieħu ħsieb li tiekol ikel bil-proteina. Issa l-klabb se jieħu ħsieb li titneħħielha ċ-ċesta, u ssirilha l-operazzjoni meħtieġa.
Din il-fenka ssemmiet Maya.