Aġġornata: 180 immigrant jiddaħħlu Malta; L-Isqfijiet japprezzaw u jappellaw

L-Isqfijiet urew l-apprezzament għall-missjonijiet ta’ salvataġġ li twettqu mill-Forzi Armati ta’ Malta. Dan wara li l-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 180 immigrant f’2 każijiet separati.

Huma appellaw għal spirtu ta’ solidarjetà mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa biex dawk il-persuni li għadhom bejn sema u ilma jingħatalhom port ta’ kenn. Dan wara li fi stqarrija, il-Forzi Armati ta’ Malta qalu li 28 immigrant kellhom jiddaħħlu f’Malta minn dinghy li kien 71 mil nawtiku fil-Lbiċ ta’ Malta, u 152 minn dgħajsa tal-injam fix-Xlokk ta’ Malta.

Dawn iddaħħlu f’Hay Wharf illum fit-3.30pm.

Kelliem għall-Forzi Armati qal lil Newsbook.com.mt li l-immigranti kienu ġejjin mis-Sudan, mill-Guinea, mill-Kosta tal-Avorju, mill-Gambja u mill-Bangladexx. Fosthom kien hemm tfal, u hemm possibbiltà li kien hemm mara tqila, iżda l-kelliem ma kienx f’pożizzjoni li jikkonferma.

Dan wara li lbieraħ, il-Forzi Armati salvaw 69 immigrant ieħor.