2 attentati ta’ suwiċidju fil-ħabs

Miguela Xuereb

F’Awwissu li għadda fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien hemm żewġ attentati ta’ suwiċidju. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-Ministeru għall-Intern.

Diviżjoni 6? 

Minn informazzjoni li għandu dan is-sit, jidher li dawn iż-żewġ priġunieri kienu qed jinżammu f’Diviżjoni 6, diviżjoni li tissejjaħ “id-diviżjoni tal-kastig”, hekk kif riċentament qed jintbagħtu fiha priġunieri li allegatament f’għajnejn id-direttur tal-ħabs għandhom jiġu kkastigati iktar.

Saret prassi wkoll li kull min jidħol il-ħabs jintbagħat ftit żmien f’din id-diviżjoni, “biex ikun daq il-ħabs”.  Dan ikkonfermah id-Direttur tal-Faċilità nnifsu Alexandar Dalli fil-blogg ta’ Manuel Delia, fejn spjega li f’dan il-perjodu, l-uffiċċjali tal-ħabs ikunu jistgħu janalizzaw is-saħħa u l-livell ta’ theddida tal-priġunieri ġodda.

Fl-2015, il-membri tal-Kunsill tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura ħadu r-ruħ hekk kif irċevew informazzjoni li din id-Diviżjoni għalqet. Madanakollu, id-Direttur innifsu kkonferma li din id-Diviżjoni qed terġa’ tintuża.

Madanakollu, minkejja li d-Direttur tal-Ħabs tkellem fl-apert dwar xi jsir f’din id-diviżjoni, il-kelliema għall-Ministeru għall-Intern ma setgħetx tikkonferma li l-attentati ta’ suwiċidju seħħew hemmhekk, fi kliemha minħabba “raġunijiet ta’ sigurtà, informazzjoni dwar kif jintużaw id-diviżjonijiet ma tistax tingħata lill-pubbliku”. 

Dwar jekk hemmx pjanijiet ta’ ristrutturar f’din id-diviżjoni, il-kelliema żiedet tgħid li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ta’ Kordin twettaq xogħol ta’ manutenzjoni u ristrutturar kontinwu f’partijiet differenti tal-faċilità.

Fiex tikkonsisti Diviżjoni 6?

  • magħmula minn żewġ sulari
  • ftit mudlama
  • sħana kbira
  • kultant jitfaċċaw il-ġrieden
  • iċ-ċelel fihom biss sodda jew saqqu u toilet
  • għandha bżonn ħafna tiswijiet
  • bla madum
  • bibien elettroniċi ma jaħdmux

Kif jiġu trattati l-priġunieri f’Diviżjoni 6?

  • inqas privileġġi: bla żjajjar u bla ta’ telefonati
  • ma jingħatawx ħwejjeġ jew xfafar
  • ma jingħatawx counselling jew terapija oħra
  • joħorġuhom miċ-ċella għal siegħa biss kuljum, li fiha jridu jaħslu ċ-ċella, jinħaslu, iċemplu lill-avukat, jieħdu ftit arja friska

Kundanna wara l-oħra

Mhux l-ewwel darba li t-tmexxija tal-ħabs ġiet ikkundannata, fost l-oħrajn mill-Prof. Andrew Azzopardi – id-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta u mill-preżentatur u ġurnalist Peppi Azzopardi. Fi kliem Prof. Azzopardi l-ħabs ma jistax jiġi trattat bħallikieku huwa t-tielet reġiment tal-Forzi Armati ta’ Malta b’metodi kontroversjali ta’ dixxiplina.

Prof. Azzopardi saħaq li lid-direttur tal-ħabs jitneħħielu l-poter dwar min jitpoġġa f’ċelel solitarji u li d-dixxiplina tiġi deċiża minn bord li jinkludi psikjatra, psikologu, social worker u avukat.

UPDATE 20/7 – more information is trickling in.———————————Il-Habs mhux il-Bermuda Triangle.Il-Habs wasal ghal…

Posted by Andrew Azzopardi on Sunday, July 19, 2020

Minn naħa tiegħu, Peppi Azzopardi kkundanna każi fejn priġunier jitneżża’ għarwien ħuta, jorbtuh ma’ siġġu u jkun suġġett għaż-żufjett. Xi kultant jagħtuh belgħa ilma.

Pepp Talk – Walid

REĠA' MIET IEĦOR. Peppi kien jafu, u għandu xi jgħid…

Posted by Xarabank on Saturday, November 30, 2019

Taħseb li l-priġunieri f’Malta qed jiġu trattati b’dinjità? Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt